Internazzjonali

Tfitxija wara ħarba spettakolari minn ħabs

Il-ħelikopter li ntuża fil-ħarba mill-ħabs.

Il-forzi tas-sigurta Franċiżi qed jagħmlu tfitxija kbira wara li kien hemm ħarba spettakolari minn ħabs f’Reau fir-reġjun ta’ Pariġi ta’ kriminal magħruf ta’ 46 sena, Redoine Faid.
Faid ħarab wara li tliet irġiel armati niżlu fil-ħabs b’ħelikopter. Faid kien qed jiskonta piena ta’ 25 sena ħabs minħabba serqa li fiha pulizija kien inqatel. Ħadd ma ndarab f’din il-ħarba.
Din hi t-tieni darba li Faid irnexxielu jaħrab minn ħabs. Fl-2013 hu kien ħarab wara li ħataf erba’ għassiesa ostaġġ u ftit anqas minn 30 minuta wara li kien wasal fil-ħabs biex jibda jiskonta piena. Dan wara li uża l-isplussiv. Hu mbagħad inqabad sitt ġimgħat wara.
Il-ħelikopter imbagħad instab ftit wara maħruq fl-inħawi ta’ Bourget.
Faid hu persuna pjuttost magħrufa fi Franza u deher diversi drabi fuq it-televiżjoni jitkellem dwar il-passat kriminali u kiteb żewġ kotba dwar il-passat kriminali tiegħu li fihom sostna li kien warrab il-passat kriminali tiegħu.