Internazzjonali

Tħejjija għall-mewt tar-Reġina

Ministri fir-Renju Unit għall-ewwel darba ħadu sehem fi provi sigrieti biex jippreparaw għal għaxart ijiem ta’ luttu nazzjonali għal meta tmut ir-Reġina Eliżabetta II.

Il-provi saru f’ġimgħa meta r-Reġina, li għandha 92 sena, irtirat minn attendenza fis-St Paul’s Cathedral peress li kienet ma tiflaħx. Jidher li bħala parti mill-provi, kien hemm laqgħa bla preċedent bejn Ministri u uffiċjali għolja taċ-ċivil biex jiddiskutu kif għandhom jimxu l-affarijiet.

Sorsi qalu li filwaqt li fil-passat dawn il-laqgħat saru, kienu jkunu biss membri taċ-ċivil li jieħdu sehem fihom. Fost dak li hu magħruf dwar x’jiġri meta tmut ir-Reġina, impjegat ta’ Buckingham Palace joħroġ u jwaħħal avviż mal-kanċell tal-palazz bl-aħbar tal-mewt u b’mezzi aktar moderni l-aħbar tingħata lill-mezzi tax-xandir.

Il-mezzi tax-xandir nazzjonali fir-Renju Unit, diġà lestew għall-okkażjoni u anki għandhom lista ta’ siltiet mużi-kali li għandhom jindaqqu. Il-Prinċep Karlu, imbagħad jagħmel żjara bikrija fl-Iskozja u Wales fil-ġranet u l-ġimgħat wara li jkun iddikjarat Re, filwaqt li l-katavru tar-Reġina jkun espost għall-pubbliku f’Westminster Hall.