Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

L-Ingilterra mal-aħħar tmienja għall-ewwel darba mill-2006

Eric Dier jiskorja l-penalty deċiżiv (Ritratt: EPA)

L-Ingilterra tinsab fil-kwarti tal-finali għall-ewwel darba mill-2006 wara li għelbet lit-tim nazzjonali tal-Kolombja 4-3 bil-penalties wara li l-logħba sal-ħin barrani ntemmet 1-1. Din kienet l-ewwel darba li l-Ingilterra rebħet fit-Tazza tad-Dinja bl-għoti tal-penalties.

Minkejja li ma kinux dominanti quddiem il-lasta, l-Ingliżi kellhom aktar mil-logħba tul id-90 minuta, bil-Kolombja tonqos li tkun perikoluża fejn iddiżappuntat mhux ftit.

Gareth Southgate għamel disa’ bidliet mit-telfa kontra l-Belġju fejn reġa’ lagħab bit-tim regolari. John Stones u Jordan Pickford kienu l-uniċi li żammew posthom, bl-ewwel ħdax li lagħbu jkunu l-istess ħdax li għelbu lit-Tuneżija.

Il-Kolombja għamlet żewġ bidliet mit-tim li għeleb lis-Senegal. Wilmar Barrios beda flok James Rodriguez li kien imweġġa’ filwaqt li Jefferson Lerma rritorna flok Mateus Uribe.

L-ewwel periklu li ħolqu l-Ingliżi kien wara sitt minuti bi free-kick ta’ Ashley Young li kien blokkat minn David Ospina. Fis-16-il minuta, Kieran Trippier krossja mil-lemin lejn Harry Kane iżda l-konklużjoni tiegħu spiċċat fuq il-lasta.

Il-Kolombja bdiet tiddefendi aktar ma beda jgħaddi l-ħin, iżda l-Ingilterra ftit heddet il-lasta ta’ Ospina. Fit-42 minuta prova Kieran Trippier bi free-kick li spiċċa ftit barra u fil-45 minuta ra x-xutt fil-baxx tiegħu minn barra l-kaxxa jgħaddi ftit barra. Ftit wara, Juan Quintero prova b’xutt minn barra l-kaxxa li kien salvat minn Jordan Pickford mingħajr problemi.

Fit-tieni taqsima, l-Ingilterra baqgħet fil-pussess tal-ballun u fis-57 minuta ngħatat penalty. Kienet azzjoni ta’ korner, bir-referee Mark Geiger jordna penalty minħabba li Carlos Sanchez ġibed lil Harry Kane fil-kaxxa, deċiżjoni li qajmet protesti kbar mill-plejers Kolombjani. Mill-11-il metru, HARRY KANE għeleb lil David Ospina b’xutt ċentrali. Sitt minuti wara, l-Ingilterra kellhom okkażjoni b’daqqa ta’ ras ta’ Dele Alli li spiċċat barra wara kross ta’ Trippier.

B’distakk ta’ gowl, il-Kolombja bdiet iżżid aktar fil-pussess tal-ballun iżda mingħajr ma tkun perikoluża. Kien fit-82 minuta li t-tim ta’ Pekerman kellu okkażjoni tajba tad-deheb meta f’kontrattakk tajjeb, il-ballun spiċċa għand Juan Cuadrado iżda minn qagħda ideali spara barra.

Il-pressjoni fuq id-difiża Ingliża kompliet tiżdied u fit-93 minuta l-Kolombja ġabet id-draw. Kien korner mil-lemin ta’ Juan Cuadrado, b’YERRY MINA jogħla tajjeb u b’daqqa ta’ ras jegħleb lil Jordan Pickford, b’Kieran Trippier ma jirnexxilux jaqla’ l-ballun minn fuq il-linja bir-ras.

B’dan il-gowl, Mina sar l-ewwel plejer Kolombjan li skorja fi tliet logħbiet konsekuttivi fit-Tazza tad-Dinja. It-tliet gowls skorjati minnu waslu minn tliet daqqiet ta’ ras, li fissret l-aktar gowls skorjati bir-ras minn Miroslav Klose fl-2002.

Il-partita kompliet fil-ħin barrani, bil-Kolombja tiddetta aktar il-logħob iżda mingħajr periklu żejjed. It-tnejn bdew joqogħdu attenti għal xulxin, bl-aħjar azzjoni tal-ħin barrani sseħħ fil-112-il minuta b’xutt fil-baxx ta’ Raheem Sterling li għadda ftit barra.

Il-penalties kellha tkun deċiża bil-penalties. Radamel Falcao u Juan Cuadrado skorjaw l-ewwel żewġ penalties għal Kolombja u Harry Kane u Marcus Rashford skorjaw għat-tim Ingliż. Luis Muriel poġġa lill-Kolombja 3-2 minn fuq iżda għat-tim Ingliż falla Jordan Henderson.

Madankollu Mateus Uribe naqas li jagħmilhom 4-2 b’xutt li stampa mal-mimduda. Kieran Trippier ġab id-draw, b’Carlos Bacca jara x-xutt tiegħu jkun salvat minn Pickford. Eric Dier skorja l-penalty deċiżiv biex ta r-rebħa lit-tim ta’ Southgate.