Lokali Saħħa

Liġi mill-Oppożizzjoni biex ikunu protetti persuni li jagħtu għajnuna lil min ikun f’periklu

Ritratt: Martin Agius
L-abbozz ta' liġi tas-Sammaritan it-Tajjeb għada jkun diskuss fi stadju ta' Tieni Qari

Permezz ta’ liġi ġdida mressqa mill-Oppożizzjoni, se jkun qed jitneħħa xkiel li hemm bħalissa biex persuna tagħti l-ewwel għajnuna lil xi persuna oħra li tkun qiegħda f’periklu. B’hekk, il-liġijiet tagħna jiġu jirriflettu l-prinċipju li l-ħajja ta’ kull persuna hi imprezzabbli u jkun qed isir dak kollu possibbli biex nipproteġuha. Dan qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Politika Soċjali Claudio Grech meta kien qed jiddiskuti l-abbozz ta’ liġi mressaq mill-Oppożizzjoni u li permezz tiegħu hu propost li jiddaħħal fil-liġi Maltija l-kunċett magħruf bħala tas-Samaritan it-Tajjeb.

Din il-liġi tipprovdi biex, f’każ li persuna tgħin persuna oħra li tkun tinsab f’periklu imminenti u ċar, min jgħin tingħatalu l-immunità minn responsabbiltà ċivili u kriminali. Madankollu, il-liġi xorta mhix se tneħħi l-piż f’każ ta’ negliġenza meta tingħata l-għajnuna. Wara li ntlaħaq ftehim mal-Gvern, dan l-abbozz ta’ liġi tal-Oppożizzjoni se jkun diskuss fil-Parlament għada l-Erbgħa meta se jsir id-dibattitu fl-istadju tat-tieni qari f’seduta sħiħa ddedikata għal dan l-abbozz.

L-Oppożizzjoni ddiskutiet din il-liġi ma’ numru ta’ organizzazzjonijiet li huma involuti direttament fl-għoti tal-ewwel għajnuna jew li xogħolhom iġibhom wiċċ imb wiċċ ma’ sitwazzjonijiet ta’ riskju. Matul l-aħħar xhur, il-Partit Nazzjonalista għamel konsultazzjoni b’rabta ma’ dan l-abbozz li sab l-appoġġ ta’ numru kbir ta’ organizzazzjonijiet. Fid-diskussjoni kien spjegat li l-kunċett legali tas-Samaritan it-Tajjeb jinsab fil-liġijiet ta’ numru ta’ pajjiżi u, għalkemm hu ttrattat b’mod differenti f’pajjiżi differenti, f’kull każ l-interess ewlieni hu li ma jkunx hemm xkiel legali biex persuna tiddeċiedi li ssalva persuna li tkun qiegħda f’periklu ċar.

Il-mudell propost fil-Private Member’s Billimressaq mill-Oppożizzjoni jipprovdi biex jiddaħħal dan l-istess kunċett f’Malta permezz ta’ tliet artikli ġodda fil-liġijiet tagħna biex tingħata protezzjoni minn prosekuzzjoni kriminali u minn danni ċivili lill-persuna li tagħti l-għajnuna tagħha lil persuna li tkun f’periklu ċar u imminenti kif ukoll li persuna li tagħti l-għajnuna tkun tista’ titlob li titħallas tad-danni li tkun sofriet jekk l-inċident ikun ikkawżat minn azzjoni tal-persuna li kienet fil-periklu.

Għal-laqgħa tal-lum attendew uffiċjali tas-St John’s Ambulance, tal-Malta Red Cross, tal-Malta Resuscitation Council, tal-Malta Union of Midwives and Nurses, tal-Malta Union of Teachers, General Workers Union, tal-Union Ħaddiema Maqgħudin u tal-Assoċjazzjoni Maltija tas-Social Workers.

Min-naħa tal-Oppożizzjoni, apparti Claudio Grech, kien hemm preżenti wkoll il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg, Therese Comodini Cachia, Hermann Schiavone u Stephen Spiteri.