Lokali Qorti

Raġel li attakka lill-Pulizija jitressaq il-Qorti b’lista mdaqqsa ta’ akkużi

Raġel li attakka xi uffiċjali tal-Pulizija ngħata l-libertà proviżorja sakemm jitkompla l-każ fil-Qorti, apparti ordni biex jattendi għal trattament psikjatriku.

Mark Privitera ta’ 55 sena minn Santa Venera tressaq il-Qorti akkużat b’lista mdaqqsa ta’ akkużi, fosthom li uża vjolenza kontra l-Pulizija, li insulentahom, li rreżista l-Pulizija, li darabhom, li kiser il-paċi pubblika, li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, li heddedd u ta fastidju lil xi ġirien, li kellu arma tan-nar mingħajr liċenzja u li kkawża ħsara fuq propjetà ta’ ħaddieħor.

Il-każ kollu beda meta l-Pulizija marru jħabbtu fuq il-bieb tal-imputat sabiex jistaqsuh dwar rapporti li saru dwaru mill-ġirien tiegħu. Kien f’dak il-waqt meta l-affarijiet eskalaw wara li r-raġel talab lill-Pulizija l-karti tal-identità tagħhom u l-mandat ta’ tfittxija.

Fil-Qorti qamet diskussjoni dwar jekk il-Pulizija kellhomx bżonn mandat ta’ tfittxija, bil-Prosekuzzjoni tinsisti li l-Pulizija ma riedux ifittxulu fid-dar – imma jkellmuh biss.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest sakemm jitkompla l-każ, fuq garanzija personali ta’ €8,000 wara li r-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih.