Lokali

“Fqar ħafna” – Rapport iċanfar lill-Gvern Malti dwar it-tibdil fil-klima

Malta fil-ħames post mill-aħħar

Rapport tal-organizazzjoni ‘Climate Action Network’ ċanfar lill-Gvern Malti dwar l-impenn – jew in-nuqqas – tiegħu biex jiġġieled il-bidla fil-klima.

Ir-rapport jeżamina liema huma dawk il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea l-iktar li għandhom ħeġġa jżidu l-impenn tagħhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

F’tabella li turi f’liema pożizzjoni jinsab kull pajjiż fl-impenn tiegħu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, Malta tikklassifika l-ħames post mill-aħħar. Flimkien ma’ ħames pajjiżi oħra biss, Malta hija klassifikata fil-kategorija ta’ pajjiżi ‘fqar ħafna’ minn dan l-aspett.

Meta fl-2015 ġie ffirmat dak li hu magħruf bħala l-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-bidla fil-klima, u li tiegħu l-Unjoni Ewropea hija firmatarja, ġew stabbiliti miri ċari dwar kemm il-pjaneta għandha bżonn tbaxxi l-emmissjonijiet. Imma jidher li l-miri għadhom lura ħafna – fosthom minħabba nuqqas ta’ azzjoni minn xi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fosthom Malta. Filfatt, ir-rapport jismu ‘Off Target.

Ir-rapport jgħid li hemm pajjiżi li mhumiex ambizzjużi fl-impenn tagħhom dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u f’din il-kategorija, apparti Malta, hemm il-Polonja, l-Estonia, l-Irlanda, Ċipru u l-Bulgarija.

Il-Polonja, l-iktar pajjiż fqir f’dan l-aspett, ġab 16% tal-marki, filwaqt li Malta ġabet 30%. b’kollox hemm 23 pajjiż li qed jaqbżu lil Malta, fosthom il-Greċja, ir-Rumanija u l-Ungerija.

Ir-rapport tal-Climate Action Network jagħti daqqa ta’ ħarta lill-Gvern ta’ Joseph Muscat li fl-aħħar snin ftaħar li qed jagħti importanza lis-suġġett tat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli tant li anke ħoloq dekasteru Ministerjali għal dan il-qasam. Madanakollu, ir-rapport jikkonferma bl-aktar mod ċar il-falliment tal-Gvern anke f’dan il-qasam.