Lokali

Il-PN ta’ spalla għall-KSU

“Irridu niffokkaw aktar fuq dak li joħolmu ż-żgħażagħ għal pajjiżhom.”

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, f’laqgħa li saret mal-Kunsill tal-Istudenti Universitarji (il-KSU).

Adrian Delia sostna li hemm bżonn li wieħed iħares lejn dak li joffri l-pajjiż għaż-żgħażagħ tagħna. Filwaqt li ż-żgħażagħ isibu l-opportunitajiet fid-Dinja tax-Xogħol.

Wara r-rebħa li saret f’April li għadda għall-SDM, il-President tal-Kunsill tal-KSU, Carla Galea tkelmet f’isem il-ħdax il-membri tal-Kunsill.

Hi wiegħdet li diversi attivitajiet u ħidmiet li saru fil-passat, bħal Careers’ Week, se jkunu qed jibqgħu isiru biex jgħatu l-aħjar esperjenza kemm lill-istudenti l-ġodda, u dawk li jkunu għadhom kemm gradwaw.

Barra dan, Carla Galea sostniet li għandhom diversi proposti hekk kif hemm bżonn li jaħsbu dwar diversi setturi biex jgħinu madwar 13,000 studenti universitarji.

Fost il-proposti li qed jaħdmu fuqhom, Carla qalet li qed jaħdmu fuq carpooling, inċentivi għal min juża r-roti, u jiġu mgħejjuna studenti li qed jitgħallmu l-mutur.

Il-KSU se jkunu qed jgħinu wkoll biex iqajmu kuxjenza dwar is-saħħa mentali fost l-istudenti, se jgħinu l-ambjent billi jħawlu diversi pjanti fil-campus, u se jkomplu jaħdmu biex itejbu l-istrutturi tal-università.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll il-Kelliem għall-Oppożizzjoni dwar iż-żgħażagħ Ryan Callus.