Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Casa jinnegozja f’isem l-PPE l-liġi Ewropea dwar il-Whistleblowers fil-Kumitat tal-Impjiegi

“Irridu nitgħallmu mill-każijiet ta’ Efimova u Ferris u nkunu lesti għal instanzi fejn il-whistleblowers li jesponu dawk fl-ogħla livelli tal-Gvern ma jingħatawx protezzjoni adegwata. Il-whistleblowers għandhom rwol fundamentali biex ma jsirux l-abbuż u l-korruzzjoni, u għandhom jitqiesu bħala mekkaniżmu li jwassal għal skrutinju pubbliku tal-Gvernijiet u anke kumpaniji.” – David Casa

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa beda xogħol tiegħi bħala negozjatur tal-PPE fil-Kumitat dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fuq liġi ġdida tal-UE li tfittex li tiproteġi l-whistleblowers. Permezz ta’ dawn id-diskussjonijiet, l-MEP Casa se jkun qed ikompli l-ħidma tiegħu fuq ir-rapport li jiproteġi l-whistleblowers li ġie approvat is-sena li għaddiet b’maġġoranza b’saħħitha fil-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, u li wassal biex il-Kummissjoni Ewropea tiproponi liġi Ewropea li tiproteġi l-whistleblowers.

“Fil-każ ta’ Maria Efimova, l-whistleblower tal-Bank Pilatus, rajna kif dawk li kixfu l-ħażin għal riskju personali, spiċċaw attakkati u vilifikati.

Maria Efimova spiċċat ittellgħet il-Qorti mill-Bank Pilatus. Minkejja li l-Bank qal li ma kelliex tieħu paga, il-paga tagħha tħallset riċentament – konferma li hi kienet qalet il-verità. Aktar minn hekk, hi ngħatat raġun fuq dak li qalet b’rabta mal-attività kriminali tal-Bank Pilatus. Issa l-bank se titteħidlu l-liċenzja.”

Casa mar Ateni tliet darbiet biex jaħdem mat-tim legali ta’ Maria Efimova, u dan biex jassigura li ma tkunx estradita lejn Malta. Ix-xahar li għadda, Maria Efimova rebħet il-każ tagħha quddiem il-Qorti tal-Appell fil-Greċja.

Casa rrefera wkoll għas-sitwazzjoni tal-eks uffiċjal tal-FIAU Jonathan Ferris, li ġie mċaħħad mill-protezzjoni mill-istess nies li l-informazzjoni li għandu fuqhom, tinkriminahom.

“Irridu nintroduċu salvagwardji li jagħmluha impossibbli li n-nies li jkunu kixfuhom il-whistleblowers, ma jagħtux il-protezzjoni lill-istess whistleblowers. Nemmen li dan hu aspett importanti li se nżomm bħala prijorità fin-negozjati li jmiss,” qal David Casa.