Lokali Qorti

ESKLUSSIVA: Bagħbsu proċess partikulari li jittratta traffikar ta’ droga

Żewġ Marixxalli interrogati fit-tul u issa ilhom numru ta' ġimgħat sospiżi minn xogħlhom

Żewġ Marixxalli tal-Qorti fil-jiem li ġejjin mistennija jitressqu l-Qorti akkużati li bagħbsu proċess ta’ kumpilazzjoni miżmum fil-Qorti stess suppost taħt sigurità massima.

Nifhmu li dawn iż-żewġ Marixxalli diġà kienu interrogati fit-tul mill-Pulizija wara li fuqhom waqa’ suspett li bagħbsu dan il-proċess partikulari ta’ kumpilazzjoni li jitratta każ ta’ traffikar ta’ droga.

Il-Pulizija bdiet tinvestiga dan il-każ wara li nġibdet l-attenzjoni tagħhom mit-Tmexxija tal-Qorti… nifhmu wkoll li sussegwentement il-Pulizija ġabret provi importanti tramite sistema ta’ CCTV cameras fil-post fejn kien qed jinżamm dan il-proċess ta’ kumpilazzjoni.

Fi tmiem sensiela ta’ interrogazzjonijiet mill-Pulizija, nifhmu li nħarġu wkoll sensiela ta’ akkużi li bihom se jkunu akkużati ż-żewġ Marixxalli li fil-preżent huma sospiża mill-qadi tad-doveri tagħhom.
Sorsi li f’dawn il-jiem tkellmu ma’ In-Nazzjon żvelaw magħna li fil-fatt iż-żewġ Marixxalli taħt il-lenti ilhom sospiżi mill-qadi tad-doveri tagħhom għal dawn l-aħħar ġimgħat. Minn analiżi/investigazzjoni dwar il-proċess ta’ kumpilazzjoni involut f’dan il-każ instabu diversi dokumenti importanti nieqsa.

Dan il-proċess ta’ kumpilazzjoni għandu jgħin lill-Qorti, lill-Prosekuzzjoni u lid-Difiża f’dan il-każ partikulari fl-istadju ta’ ġuri.

Jirriżulta li dan il-proċess ta’ kumpilazzjoni jirrigwarda każ ta’ traffikar ta’ droga li jmur lura għal Awwissu/Settembru tal-2014 meta Angel Attard, ta’ 32 sena mill-Gżira, kien inqabad fil-pussess ta’ tmintax-il kilogramma kannabis. Hu kien inqabad flimkien ma’ numru ta’ persuni oħrajn u d-droga maqbuda kellha l-iskop ta’ negozju u traffikar.

Fil-fatt fil-bidu ta’ Settembru tal-2014 Angel Attard kien tressaq il-qorti u kien akkużat li ttraffika d-droga flimkien ma’ persuni oħrajn.

L-allegat każ kien seħħ f’appartament f’Tas-Sliema u l-każ kien solvut permezz ta’ controlled deliveryf’lokalità mhux magħrufa. Dan wara li d-droga nstabet fil-kantina tal-appartamenti fejn kien hemm għadd ta’ karozzi pparkjati.