Futbol Sport

Gżira United jiksbu kwalifikazzjoni storika fir-ritorn tagħhom fil-kompetizzjonijiet Ewropej

Il-plejers u staff ta' Gżira United jiċċelebraw wara l-logħba

GŻIRA UNITED………..2

UE SANT JULIA……….1

Gżira: J. Haber, R. Briffa, P. Mambouana, R. Soares, C. Gatt Baldacchino, T. Veronese, Z. Scerri (J. Corbolan 87’), E. Bilbao Zarate, A. Cohen, A. Samb (Jorginho 73’), N. Okoye (N. Muscat 70’)

Sant Julia: K. Ratti, J. Vinasco Lopez, J. Zarioh, E. Pi Solà (D. Gonzalez 58’), N. Vasile, J. Aguilar (F. Girau 48’), L. Blanco, P. Munoz (D. Linares Gonzalez 76’), W. Lee, V. Ramael, J. Mendez Del Rio

Imwissija: J. Zarioh 24’, J. Vinasco Lopez 64’, L. Blanco 74’, F. Girau 83’, N. Vasile 85’ (S), Z. Scerri 64’ (G)

Tkeċċa: L. Blanco 89’ (S)

Skorjaw: J. Mendez Del Rio 62’ (S), A. Samb 65’, E. Bilbao Zarate 92’ (G)

Referee: Juxhin Xhaja (Albanija)

Assistenti Referees: Denis Rexha (Albanija), Ilir Tartaraj (Albanija)

Gżira United kisbu kwalifikazzjoni storika għall-ewwel rawnd tal-Europa League b’rebħa ta’ 2-1 kontra Sant Julia tal-Andorra, biex b’hekk għaddew b’aggregate ta’ 4-1 wara li ġimgħa ilu rebħu 2-0 f’Andorra. Fit-tieni rawnd, Gżira jilagħbu kontra Radnički Niš tas-Serbja.

Quddiem attendenza sabiħa, il-kowċ Darren Abdilla żamm l-istess ħdax-il plejer li bdew fl-ewwel leg, b’sistema ta’ 3-5-2, b’Amadou Samb u Ndubisi Okoye jmexxu l-attakk.

Gżira United ħolqu l-ewwel periklu wara għaxar minuti b’xutt fil-baxx ta’ Zack Scerri li kien imdawwar f’korner bi bravura minn Ratti. Mill-istess korner, id-daqqa ta’ ras ta’ Prince Mambouana kienet salvata faċilment.

Andrew Cohen mar qrib li jiskorja fis-16-il minuta b’azzjoni personali fejn baqa’ jippersisti bil-ballun, iżda x-xutt finali kien fil-baxx u dgħajjef b’Ratti jsalva. Sant Julia setgħu fetħu l-iskor fil-21 minuta b’daqqa ta’ ras li kienet mbiegħda mid-difiża ta’ Gżira.

Il-Gżirjani baqgħu fil-kontroll tal-logħba u fis-36 minuta kellhom okkażjoni oħra b’Roderick Briffa jgħaddi b’intelliġenza lejn Ndubisi Okoye li kien f’pożizzjoni tajba, iżda Ratti laħaq fil-ħin qabel Samb. Okoye kellu okkażjoni oħra qabel tmiem l-ewwel taqsima, iżda x-xutt finali għadda barra.

L-andament fit-tieni taqsima baqa’ l-istess b’Gżira jibqgħu jiddettaw il-logħob. Fit-58 minuta kellhom ċans tajjeb b’Zack Scerri jgħaddi l-ballun bejn żewġ difensuri lejn Thomas Veronese, bil-plejer Taljan f’pożizzjoni tajba mix-xellug. Iżda x-xutt finali tiegħu kien salvat minn Ratti.

Kontra x-xejra tal-logħob, Sant Julia fetħu l-iskor fit-62 minuta. Kien Joel MENDEZ DEL RIO li għeleb lil Justin Haber b’xutt fil-baxx għar-rokna xellugija wara azzjoni min-naħa leminija.

Iżda r-reazzjoni ta’ Gżira kienet immedjata hekk kif minuta wara ngħataw penalty għal dak li r-referee Albaniż iġġudika fawl tal-gowlkiper Ratti fuq Edison Bilbao Zarate. Amadou SAMB inkariga ruħu mill-penalty u skorja b’xutt ċentrali fin-naħa ta’ fuq tal-lasta.

Minkejja dan il-gowl, Sant Julia reġgħu marru viċin li jagħmlu l-iskor 2-1 b’azzjoni mix-xellug li fiha Luis Blanco kien f’pożizzjoni tajba fil-kaxxa ż-żgħira iżda l-konklużjoni tiegħu ma nkwadratx il-lasta, bid-difiża titfa’ f’korner.

Santa Julia saru aktar nervużi aktar ma beda jgħaddi l-ħin, b’Gżira jfittxu l-gowl tar-rebħa. Fit-88 minuta, Thomas Veronese mar viċin fil-baxx li kien salvat.

Gżira ċċelebraw il-kwalifikazzjoni bil-gowl tar-rebħa fit-92 minuta meta Edison BILBAO ZARATE rċieva mil-lemin, ikkontrolla u b’xutt fil-baxx għar-rokna minn barra l-kaxxa għeleb lil Ratti.

Lejn it-tmiem, Ratti ċaħħad lis-sostitut Nikolai Muscat milli jagħmilhom 3-1, u fl-istess azzjoni reġa’ dawwar f’korner.