Lokali Qorti

Ikompli jinstema’ l-każ kontra l-Kaptan tal-bastiment Lifeline

  • Mumenti ta’ tensjoni quddiem il-Qorti hekk kif persuni kkonfrontaw membri tal-ekwipaġġ

Fil-Qorti illum kompla jinstema’ l-każ kontra Claus Peter Reisch, il-Kaptan tal-bastiment Lifeline fejn jinsab akkużat li opera bastiment fl-ibħra territorjali Maltin mingħajr reġistrazzjoni u liċenzja marittima. Il-bastiment daħal f’Boiler Wharf fl-Isla nhar l-Erbgħa b’233 immigrant abbord wara li qatta’ iktar minn ħamest’ijiem f’nofs ta’ baħar minħabba kwistjoni bejn Malta u l-Italja.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud xehed il-Kurunell Clinton O’Neill, il-Kap tal-Operazzjonijiet tal-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta. Hu qal li kien sar jaf dwar il-każ fil-21 ta’ Ġunju. Hu xehed li l-Kaptan ingħata struzzjonijiet biex jikkordina mal-awtoritajiet Libjani iżda naqas milli jagħmel dan u kompla jbaħħar lejn it-Tramuntana.

Il-Kurunell O’Neill spjega li l-awtoritajiet Taljani informaw lill-Forzi Armati li l-bastiment daħal fl-ibħra Maltin fl-24 ta’ Ġunju. Kompla li l-awtoritajiet Maltin tkellmu mal-Kaptan f’diversi okkażjonijiet u kull darba qalulu li Malta ma tistax toffri kenn lill-bastiment.

Ir-Reġistratur tal-Bastiment fi Transport Malta Ivan Sammut, xehed li r-regolatur Olandiż ikkonferma li l-bastiment Lifeline ma kienx reġistrat fl-Olanda iżda kien reġistrat biss bħala pleasure yacht.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Assistent Kummissarju Stephen Mallia u l-Ispetturi Daryl Borg u Mario Haber. Claus Peter Reisch kien assistit mill-Avukati Neil Falzon u Gianluca Cappitta.

Intant għal darb’oħra, Membri tal-ekwipaġġ tal-bastiment Lifeline inġabru quddiem il-Qorti b’appoġġ għall-Kaptan Reisch. Kien hemm mumenti ta’ tensjoni meta żagħżugħ ikkonfronta kemm lill-membri tal-ekwipaġġ kif ukoll lill-membri tal-media li kienu qed isegwu l-protesta.