Lokali Qorti

Ir-raġel tal-Ministru Helena Dalli jirbaħ €10,000 f’danni

Patrick Dalli, ir-raġel tal-Ministru Helena Dalli, rebaħ €10,000 f’danni wara li l-Qorti sabet lill-ġurnalista Caroline Muscat ħatja ta’ malafama fuq sensiela ta’ artikli marbuta ma’ xogħolijiet fuq propjeta’ fiż-Żejtun.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, ikkonkludiet li ħames artikli miktuba minn Muscat u li dehru fuq il-portal tal-ġurnal Times of Malta bejn it-13 u d-29 ta’ Novembru bħala libelluża u malafamanti.

Mid-dokumenti u x-xhieda ippreżentati waqt is-smiegħ tal-kawża, il-Qorti qalet li b’differenza ta’ dak allegat minn Caroline Muscat,

  • ma kienu qed isiru ebda xogħolijiet illegali fuq il-farmhouse allegatament propjeta’ tal-kumpanija ta’ Dalli Pada Builders,
  • ir-razzett attwalment kien ta’ ċertu Jason Desira u l-istess Desira kien ikkonferma dan pubblikament,
  • ma kien hemm ebda assi moħbija fil-varji kumpaniji ta’ Patrick Dalli peress li l-assi huma kollha reġistrati u setgħu jinstabu b’riċerki fir-Reġistru Pubbliku
  • ma kien hemm ebda kontroversja pubblika dwar il-propjeta’, iżda l-kontroversja ħolqitha l-istess Muscat bl-artikli tagħha.

Il-Qorti osservat ukoll li għalkemm Patrick Dalli hu miżżewweġ lil persuna pubblika, dan ma jfissirx li għandu jiġi trattat bħala persuna politika u għalhekk, kritikata u soġġetta għal skrutinju fir-reqqa bħal persuna fil-politika.