Lokali Qorti

Ħajja lussuża li waslithom biex ikunu investigati

Fil-qorti kompliet tinstema’ l-kawża dwar ħasil ta’ flus tal-aħwa Alfred u George Degiorgio flimkien mas-sieħba ta’ George Degiorgio, Anca Adelina Pop.

Waqt is-smiegħ tax-xhieda ħareġ li minkejja li t-tliet akkużati dejjem sostnew li ma jaħdmux huma jgħixu ħajja ta’ lussu li ma tikkorrispondix mal-kontijiet bankarji tagħhom.

L-ispettur Antonovitch Muscat qal lill-qorti, mmexxija mill-maġistrat Joe Mifsud, li l-investigazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia waslet lill-pulizija biex jinvestigaw l-istil ta’ ħajja li jgħixu l-akkużati. Kien hemm ukoll informazzjoni anonima li wasslet għall-investigazzjoni anke minħabba li dawn qatt ma rritornaw il-formula tat-taxxa.

George Degiorgio l-aħħar li ħadem kien fl-1983 bħala ħaddiem fis-settur tal-kostruzzjoni. Anke l-kont bankarju tiegħu ilu snin ma jintuża, madankollu sar magħruf li matul is-snin kellu numru ta’ karrozzi lussużi u anke dgħajsa li kienet tiswa madwar tletin elf ewro.

Bejn Mejju tal-2013 u Ottubru 2017 hu għadda wkoll mal-25,000 ewro lill-familjari ‘l barra mill-pajjiż.

Anke Anca Adelina Pop għaddiet ammont kbir ta’ flus lill-familjari tagħha fir-Rumanija. Hi kellha kont f’bank lokali li minkejja li kienet tidher bħala qegħda hi kellha dħul regolari li kien jindika li kellha xi forma ta’ impjieg.

Anca Adelina Pop hi wkoll is-sid ta’ vettura li tiswa madwar 90,000 ewro u li ilha għandha sa mis-sena 2015. Minbarra din hi s-sid ukoll ta’ vettura lussuża oħra.

Min-naħa tiegħu Alfred Degiorgio kien jiddepożita flejjes f’numru ta’ casinos. B’kollox Alfred Degiorgio tefa mat-350,000 ewro f’casinos differenti matul dawn l-aħħar snin.

Alfred Degiorgio hu reġistrat li jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà f’bar f’Paceville. Anke Alfred Degiorgio għandu vettura lussuża kif ukoll dgħajsa, liema intużat ukoll fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

It-tliet akkużati ma wieġbux il-mistoqsijiet magħmula lilhom  mill-Pulizija.