Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Il-Belġju fis-semifinali tat-Tazza tad-Dinja għat-tieni darba fl-istorja tagħha

Il-plejers tal-Belġju jiċċelebraw fi tmiem il-logħba (Ritratt: EPA)

Il-Belġju tinsab fis-semifinali tat-Tazza tad-Dinja għat-tieni darba fl-istorja tagħha b’rebħa ta’ 2-1 fuq il-Brażil. B’hekk il-Belġju baqgħet l-unika tim f’din il-kompetizzjoni li rebħet il-ħames logħbiet tagħha. Dan ir-riżultat fisser ukoll li t-Tazza tad-Dinja se tintrebaħ minn tim Ewropew għar-raba’ edizzjoni konsekuttiva.

Roberto Martinez kien kritikat minħabba li beda jilgħab lil De Bruyne aktar irtirat, iżda għal din il-logħba lagħab ma’ Eden Hazard wara Romelu Lukaku fl-attakk fejn speċjalment fl-ewwel fażijiet tal-logħba ħolqu ħafna periklu.

Il-Brażil falliet ċans tad-deheb li tiftaħ l-iskor wara tmien minuti meta minn korner mil-lemin, Thiago Silva laqat b’kuxxtejh minn ftit metri bogħod il-ballun li ħabat mal-wieqfa. Ftit wara l-Belġju marret qrib b’xutt ta’ Chadli li għadda ftit barra.

Il-Belġju marret minn fuq wara 13-il minuta meta minn korner ta’ Nacer Chadli, għola Fernandinho li b’daqqa ta’ ras għeleb lill-gowlkiper tiegħu stess. Fis-26 minuta, xutt fil-baxx ta’ Marcelo kien salvat tajjeb minn Thibaut Courtois. L-iskor sar 2-0 fil-31 minuta meta f’kontrattakk mill-aqwa, Romelu Lukaku għamel ġirja tajba u fetaħ id-difiża avversarja, u qassam lil KEVIN DE BRUYNE li kkontrolla u ħa vantaġġ mill-ispazju li kellu biex għeleb lil Alisson b’xutt preċiż għar-rokna.

Il-Brażil dehru maħsuda u xorta bdew jippruvaw jirkupraw l-iżvantaġġ. Fis-36 minuta, daqqa ta’ ras ta’ Gabriel Jesus għaddiet barra wara kross mix-xellug. Minuta wara, Courtois kien attent biex b’mod brillanti xutt ta’ Philippe Coutinho li kien destinat għar-rokna. Fil-41 minuta, Alisson Becker dawwar f’korner free-kick tajjeb ta’ Kevin De Bruyne.

It-tim ta’ Tite żied l-isforzi tiegħu fit-tieni taqsima. Is-sostitut Roberto Firmino kważi xellef fix-xibka kross ta’ Marcelo, filwaqt li Gabriel Jesus appella għal penalty li iżda kien imċaħħad mill-VAR wara kuntatt fil-kaxxa ma’ Vincent Kompany.

Il-Belġju kważi għalqet il-logħba fit-62 minuta b’kontrattakk veloċi li fih Eden Hazard prova b’xutt bix-xellug djagonali li għadda ftit barra. Għaxar minuti wara, Douglas Costa ra x-xutt fil-baxx tiegħu jkun salvat minn Courtois. Il-Brażil meritatament daħlet fil-logħba fis-76 minuta. Philippe Coutinho pinġa kross perfett lejn is-sostitut RENATO AUGUSTO li għola tajjeb u b’daqqa ta’ ras għar-rokna għeleb lil Thibaut Courtois.

L-isforzi Brażiljani żdiedu u reġa’ kien Augusto ħames minuti wara li xxuttja barra minn pożizzjoni tajba. L-istess riżultat ħa Coutinho tliet minuti wara, b’xutt li għadda barra wara kross ta’ Neymar. Fl-94 minuta, il-Brażil kienet viċin li ssalva l-logħba, b’xutt sabiħ ta’ Neymar li kien imdawwar f’korner bi bravura ta’ Courtois. Mill-istess korner, id-daqqa ta’ ras ta’ Firmino għaddiet barra.