Kultura Kurżitajiet Lokali

Koppja Maltija ma taċċettax offerta ta’ żewġ miljuni

L-istorja ta' Charlie u Antoinette Buttigieg fil-gazzetta National Post tal-Kanada

Mhux xi ħaġa komuni li tiġi offrut żewġ miljuni għal ħanut tal-pastizzi. Dan li se taqraw huwa rakkont veru.

Hi l-istorja tal-koppja Buttigieg li għandhom pastizzerija f’Toronto bl-isem ‘Malta Bake Shop’.

Riċentament, ħdejn il-ħanut tagħhom beda tiela żvilupp massiċċ hekk kif żviluppatur xtara bini antik u se jbiddlu fi djar lussużi. Donnu hi tendenza komuni f’Toronto li jagħlqu l-ħwienet tradizzjonali sabiex jagħmlu spazju għall-iżvilupp modern; barbieri Taljani, skrapan, u ħwienet oħra Pollakki – kollha sparixxew.

Iżda b’sorpriża għal bosta, il-Malta Bake Shop iddeċieda li jżomm il-bandiera Maltija ħajja fiċ-ċentru ta’ din il-belt Kanadiża. Dan minkejja li l-propjetarji Charlie u Antoinette Buttigieg ġew offruti żewġ miljun dollaru għall-pastizzerija u l-bini ta’ ħdejha, li hu tagħhom ukoll.

“X’se nagħmlu b’żewġ miljun dollaru? Aħna ilna hawn 40 sena. Dan il-ħanut ħajjitna”, qalet Antoinette f’kummenti lill-gazzetta National Post.

Il-bini tal-Malta Bake Shop ilu f’Toronto kważi 100 sena. Minkejja li ħdejh issa tiela’ żvilupp modern (ritratt) xorta wieħed iħoss ir-ruħ Maltija li hi sinonima ma’ dan il-ħanut.

Antoinette taħdem u ssajjar tista’ tgħid matul is-sena kollha, apparti fil-Milied u l-Ewwel tas-Sena.

F’April li għadda, waqt iż-żjara tagħha fil-Kanada, anke l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca żaret dan il-ħanut. Fost il-personalitajiet li marru f’dan il-ħanut ferm popolari mal-komunita’ Maltija hemm ukoll l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.