Lokali

Hugo Chetcuti jaqla’ daqqiet ta’ sikkina f’Paceville; Jaqleb għall-aħjar wara li kien fil-periklu tal-mewt

Il-Pulizija kellha tuża 'taser' biex trażżan u taqbad is-suspettat, raġel mis-Serbja ta' 35 sena

Kienet ġurnata ta’ taqlib għall-imprenditur Hugo Chetcuti li fortunatament qaleb għall-aħjar wara li kien fil-periklu li jitlef ħajtu minħabba daqqiet ta’ sikkina li qala’ fl-istonku.

Kollox beda tard il-Ġimgħa filgħaxija, għall-ħabta tal-10.30pm, meta l-allegat agressur ta daqqiet lil Hugo Chetcuti – skont rapporti fil-media lokali – daqqiet fl-istonku b’arma li taqta’ u bil-ponta. Qed jingħad ukoll li qabel tah daqqiet ta’ sikkina, l-aggressru għannaq lil Hugo Chetcuti.

Matul il-lejl saret operazzjoni maġġuri fl-isptar Mater Dei fejn għal ħin twil, Chetcuti nżamm fit-taqsima tal-kura intensiva. Imma l-għada kmieni waranofsinhar, saħħet Chetcuti kienet qalbet għall-aħjar.

Wieħed minn dawk li fuq Facebook rrappurtaw progress fil-kura tal-imprenditur kien in-neputi ta’ Chetcuti stess – Armand Chetcuti – li fuq Facebook kmieni waranofsinhar kiteb li l-agħar għadda, u li Hugo kien qed jirkupra. Żied jgħid li l-operazzjoni li saret fuq l-imprenditur kienet suċċess u li Hugo kien jinsab imdawwar bi qraba u ħbieb tiegħu.

ARA: “Hugo qed jirkupra”

Hekk kif matul il-ġurnata ħarġu dettalji dwar dak li seħħ fl-attentat ta’ qtil sar magħruf li malli l-Pulizija marru fuq il-post fejn seħħ l-attentat fuq ħajjet Hugo Chetcuti, jiġifieri fi Triq Santa Rita kantuniera ma’ Triq San Ġorġ, huma sabu li l-aggressur kien ħarab minn fuq il-post u għaldaqstant skattat tfittxija għalih.

Skont il-Pulizija, uffiċjali tad-Distrett kif ukoll mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit bdew tfittxija intensiva sabiex iktar tard, saħansitra tfittixja li estendiet sax-xatt ta’ Tas-Sliema u t-toroq tal-madwar. Aktar tard, il-Pulizija qabdu lill-allegat aggressur f’Tas-Sliema qrib sptar privat. Il-Pulizija qalet li kellha tuża t-taser biex tikkontrolla lis-suspettat.

Rapporti li l-aggressur “għannaq” lil Hugo Chetcuti qabel tah daqqiet ta’ sikkina

Filfatt, kienet il-Pulizija stess li qalet li r-raġel m’obdiet l-ordinijiet tagħha u li saħansitra fera xi Pulizija meta dan aggredihom waqt li kienu qed jipprovaw irażżnuh.

Malli s-suspettat ġie mrażżan, fuqu nstabet arma li taqta’ u bil-ponta. Peress li l-aggressur kellu xi ġrieħi, hu kellu jittieħed l-isptar għall-kura iżda aktar tard ġie rilaxxat u minnufih eskortat lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal iktar stħarriġ.

Il-Pulizija qalet li l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ħatret numru ta’ esperti biex jassistuha f’inkjesta li qed tagħmel dwar dan il-każ.

L-imprenditur Hugo Chetcuti, li għandu 52 sena, huwa s-sid ta’ numru kbir ta’ stabbilimenti tal-ikel u tad-divertiment f’Malta, partikolarment f’Paceville fejn anke huwa s-sid ta’ lukanda ġdida fil-qalba ta’ Paceville. Fil-passat, Chetcuti tkellem dwar numru ta’ suġġetti attwali u anke wettaq diversi rwoli filantropiċi.

FILMAT: Se jinżamm arrestat wara l-attentat ta’ qtil ta’ Hugo Chetcuti