Sport Waterpolo

Neptunes jissograw iżda jikkwalifikaw għall-finali tan-knock-out

Petar Muslim jipprova jikkonkludi fil-lasta (Ritratt: Martin Agius)

NEPTUNES LEO VEGAS………10

EXILES ELIA CATERERS………9

(2-2), (2-0), (3-2), (3-5)

Il-finali tan-knock-out tal-11 ta’ Settembru se tara lil Neptunes Leo Vegas jilagħbu kontra San Ġiljan TUM Invest wara li Neptunes għelbu l-isfida ta’ Exiles Elia Caterers 10-9. Ir-rebħa għat-tim ta’ Popovic waslet bi tbatija hekk kif Exiles kienu fil-partita l-logħba kollha u meta deher li setgħu nqatgħu mil-logħba, wettqu reazzjoni biex Neptunes kellhom jitħabtu biex jiksbu r-rebħa finali.

Bilanċ fl-ewwel sessjoni b’Petar Muslim jiskorja ż-żewġ gowls ta’ Neptunes, bil-gowls jaslu fil-bidu u fl-aħħar tas-sessjoni. Neptunes irnexxielhom irażżnu lill-avversarji fit-tieni sessjoni iżda wkoll sabu x-xibka darbtejn b’gowls ta’ Stevie Camilleri u Muslim minn man-up.

Exiles baqgħu fil-logħba fit-tielet sessjoni hekk kif wara li Petar Muslim reġa’ skorja fil-bidu għal Neptunes, Exiles skorjaw darbtejn biex naqqsu d-distakk għal gowl. Niki Lanzon għamilhom 6-4 u gowl ta’ Stevie Camilleri eżatt qabel it-tmiem tat-tielet sessjoni deher li seta’ għalaq il-logħba.

Iżda Exiles kellhom ħsieb ieħor u sa nofs l-aħħar sessjoni rkupraw l-iżvantaġġ li kellhom. Madankollu sofrew gowls li setgħu ġew evitati b’Neptunes jieħdu vantaġġ b’żewġ gowls ta’ Stevie Camilleri u gowl sabiħ ta’ Miguel Zammit.

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (1), K. Erdogan, G. Pace, P. Muslim (4), N. Zammit, S. Camilleri (4), J. Camilleri, J. Abela, M. Zammit (1), J. Muscat, M. Azzopardi, J. Parnis

Exiles: M. Castillo, M. Fenech (2), A. Bianchi, M. Stellini (1), T. Sullivan, S. Xerri de Caro (2), S. Nikic (1), K. Griscti, N. Paris, A. Cousin (3), B. Lanzon, P. Paris, G. Ciappara

Referees: Mario Dalli, Marco Piano

KO I DIVIŻJONI

BIRŻEBBUĠA FREEPORT……….8

MARSAXLOKK BROWN’S……….7

(0-1), (2-3), (4-1), (2-2)

Birżebbuġa Freeport se jiltaqgħu kontra Marsaskala Transcripta fil-finali wara li għelbu lil Marsaxlokk Brown’s Pharmacy 8-7 f’logħba missielta li kellha tmiem differenti minn tas-soltu. Ix-Xlukkajri kellhom il-partita f’idejhom iżda sofrew ir-rimonta tal-avversarji.

Marsaxlokk rebħu l-ewwel sessjoni wieħed b’gowl ta’ Hosnyanszky. Ix-Xlukkajri saħansitra marru 3-0 minn fuq, bit-tim ta’ Birżebbuġa jibda jistejqer ftit. Il-gowl ta’ Rainier Scerri lejn nofs it-tielet sessjoni għamel l-iskor 5-2, iżda minn hemm bdiet ir-rimonta ta’ Birżebbuġa.

Gowls minn Simon Vassallo, David Cutajar, Neil Cassar u Darko Brguljan poġġew lil Birżebbuġa għall-ewwel darba fil-vantaġġ. David Cutajar u Neil Cassar reġgħu skorjaw u kabbru l-vantaġġ għal 8-5 fl-aħħar sessjoni. Reazzjoni immedjata ta’ Marsaxlokk li b’gowl ta’ Scerri u penalty ta’ Hosnyanszky naqqsu d-distakk għal gowl bi tliet minuti u nofs għat-tmiem.

It-tim ta’ Risso rnexxielu jikkontrolla t-tentattivi tal-avversarji għal rebħa importanti li tpoġġihom b’vantaġġ għall-finali. Sfortunatament il-partita kellha tmiem negattiv, minħabba ġlied li nqala’ bejn plejers taż-żewġ timijiet.

Birżebbuġa: D. Abela, M. Ortoleva, N. Cassar (2), D. Pace Lupi (2), D. Brguljan (1), J. Rizzo Naudi, S. Vassallo (1), D. Cutajar (2), S. Micallef, M. Cutajar, K. Rizzo Naudi, J. Zerafa Gregory, D. Spiteri

Marsaxlokk: R. Coleiro, C. Spiteri Debarro, L. Calleja, M. Cacici, C. Gialanze, N. Hosnyanszky (4), S. Meli, M. Rizzo (1), B. Buhagiar, R. Scerri, K. Lanzon, J. Galea, A. Xuereb

Referees: Peter Balzan, Massimiliano Sponza