Internazzjonali

It-Tajlandja: Jinħarġu l-ewwel subien minn qalb l-għerien

Talanqas erba’ subien ittellgħu ħajjin minn qalb l-għerien fit-Tramuntana tat-Tajlandja fejn kienu ilhom maqbudin għal dawn l-aħħar ġimgħatejn. Is-subien kienu parti minn grupp ta’ 12-il plejer tal-futbol u l-kowċ li spiċċaw f’dik is-sitwazzjoni u għalkemm il-missjoni kellha tkun posposta għal għada, il-kap tas-servizzi għall-emerġenza li qed jieħdu ħsieb il-ħidma delikata kkonferma li ‘kollox jinsab għaddej skont il-pjan’.

Intant, il-missjoni kellha tkun posposta għal numru ta’ sigħat peress li kien naqas il-livell tal-ossiġinu qalb l-għerien.
L-iskwadri tas-salvataġġ kienu ddeċidew li jmexxu din il-fażi perikoluża tal-missjoni proprju lbieraħ minħabba l-inkwiet li jitilgħu l-livelli tal-ilma fi ħdan in-network tal-għerien ta’ Tam Luang, fil-provinċja ta’ Chiang Rai.

F’din il-missjoni, numru ta’ bugħaddasa qegħdin jiggwidaw lis-subien u l-kowċ qalb id-dlam fil-fond tal-għerien u mill-‘passaġġi taħt l-ilma’ — bil-għan li huma javviċinaw id-daħla għall-kumpless tal-għerien.

Sadanittant, skwadra ta’ xi 90 bugħaddasa ta’ esperjenza – 50 minnhom barranin u 40 mit-Tajlandja – qed jappoġġjaw l-isforzi tas-salvataġġ ‘qalb is-sistema tal-għerien’, bil-pjan jesiġi li jinħarġu l-ewwel ‘l-aktar subien li spiċċaw fi stat dgħajjef’.

Il-bugħaddasa qed ikunu impenjati bis-sħiħ fil-ħidma diffiċli li qed issir fost id-dlam assolut, u meta huma qed ikollhom jgħaddu minn qalb passaġġi dojoq ħafna. Il-periklu tal-missjoni kien enfasizzat bil-mewt, ftit jiem ilu, ta’ bugħaddas ta’ esperjenza li ħassu ħażin waqt li kien qed jappoġġja lil sħabu u ma reġax ġie f’sensih.

Id-drama bdiet meta dan il-grupp ta’ subien u l-kowċ kienu qed iduru qalb l-għerien u fejn qam il-maltemp, fost ix-xita qawwija li kkaġunat l-għargħar qalb il-passaġġi tal-kumpless b’mod li għamilha impossibbli għalihom li joħorġu. Il-grupp kellu jqatta’ disat ijiem qalb l-għerien bi ftit ilma jew ikel qabel setgħu jindikawhom l-iskwadri għall-emerġenza.

Caption A: Pulizija Tajlandiżi jgħassu lis-sit fejn, bħalissa, għad