Sport Sport Ieħor

Peter Sagan jirbaħ it-tieni tappa tat-Tour de France kif ukoll il-flokk l-isfar

Peter Sagan (xellug) waqt l-isprint finali (Ritratt: EPA)

Iċ-champion tad-dinja Peter Sagan rebaħ bi sprint it-tieni tappa tat-Tour de France biex mhux kiseb l-ewwel rebħa tiegħu din is-sena iżda kiseb ukoll il-flokk l-isfar ta’ leader tat-Tour.

It-tappa kienet waħda meqjusa kwieta mingħajr tlajja fuq distanza ta’ 182.5 km minn Mouilleron-Saint-Germain sa La Roche-sur-Yon. Sagan, tliet darbiet champion tad-dinja, kien spiċċa l-ewwel tappa tas-Sibt b’distakk ta’ sekonda mir-rebbieħ Gaviria, iżda rebaħ it-tappa b’distakk ta’ sitt sekondi fuq Gaviria.

Gaviria kien involut f’waqgħa bejn għadd ta’ ċiklisti madwar tliet kilometri mit-tmiem, iżda dan irkupra xi ftit biex daħal mal-grupp bi ftit sekondi ta’ distakk mir-rebbieħ. Is-sena l-oħra Sagan kien imkeċċi mit-Tour wara li l-organizzaturi ddeċidew li kien il-kawża ta’ inċident fir-raba’ stadju li fih il-Brittaniku Mark Cavendish kien kiser l-ispalla u kellu jirtira mit-Tour.

Chris Froome li lbieraħ kellu inċident fejn spiċċa f’għalqa mal-ġenb tat-triq, kien iktar trankwill u jinsab minuta u seba’ sekondi wara Sagan fil-klassifika ġenerali. Chris Froome li qed ifittex il-ħames titlu fit-Tour kien meħlus minn akkużi ta’ doping ftit jiem biss qabel beda t-Tour ta’ din is-sena.

It-Tour de France ikompli għada bit-tielet stadju li hu tellieqa kontra l-ħin fuq iċ-ċirkwit ta’ Cholet fuq distanza ta’ 35.5 kilometru.