Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Investigat l-omiċidju ta’ mara mill-effetti tal-kimika Novichok

Il-Pulizija bdew investigazzjoni ta’ omiċidju wara li tilfet ħajjitha mara li spiċċat esposta għall-kimika ( nerve agent) Novichok fl-inħawi ta’ Wiltshire. Dawn Sturgess, li kellha 44 sena, mietet l-isptar matul il-lejl tal-Ħadd, u wara li kienet mardet fit-30 ta’ Ġunju. Intant, raġel bl-isem Charle Rowley, li wkoll kien espost għall-kimika, f’Amesbury, jinsab l-isptar f’kundizzjoni kritika.

Intant, kelliema għall-Kremlin tar-Russja qalu li l-Gvern tagħhom hu ‘preokkupat’ dwar l-inċident iżda, fl-istess ħin, huma warrbu għall-allegazzjonijiet li ‘ir-Russja setgħet kienet involuta’.

Madankollu, l-investigaturi Britanniċi sostnew li l-possibbiltà ta’ konnessjoni bejn il-każi ta’ Sturgess u Rowley ‘qed tifforma l-bażi tal-investigazzjoni’.

Aktar kmieni din is-sena, il-Gvern Britanniku kien akkuża lir-Russja dwar l-ivvelenar tal-eks-spjun Russu, Sergei Skripal, u bintu, Yulia, li, f’Marzu, kienu nstabu mitlufin minn sensihom f’Salisbury. Dawn iż-żewġ Russi rkupraw wara li kienu damu fil-periklu tal-mewt u l-awtoritajiet Russi ċaħdu dwar sehem f’attentat fuq ħajjithom.

Sadanittant, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, esprimiet ‘xokk u orrur’ dwar il-mewt ta’ Dawn Sturgess, omm ta’ tlieta minn Durrington. Dan waqt li l-Ministru Britanniku għall-Intern, Sajid Javid laqqa’ lill-Kumitat tal-Gvern għall-Emerġenzi, magħruf bħala ‘Cobra’, biex jiddiskuti l-iżvilupp preokkupanti.

Fl-istess ħin kienu għaddejjin il-preparamenti għal awtopsja fuq il-katavru ta’ Sturgess, bl-investigazzjoni dwar l-omiċidju qed titmexxa mid-detectives tat-Taqsima tal-Pulizija għal kontra t-Terroriżmu, bil-kollaborazzjoni tal-Pulizija ta’ Wiltshire. L-uffiċjali għad iridu jsiru jafu kif Sturgess u Rowley spiċċaw esposti għan-nerve agent, għalkemm numru ta’ provi konfermaw li t-tnejn kienu missew xi oġġett ikkontaminat b’idejhom.