Lokali Qorti

Is-smiegħ tal-każ kontra l-eks Assistent Kummissarju Mario Tonna pospost għal Novembru

Is-smiegħ tal-kumpilazzjoni fil-konfront tal-eks Assistent Kummissarju Mario Tonna ġie differit għal Novembru. Tonna jinsab akkużat b’inċident ta’ hit and run u li kien qed isuq waqt li kien xurban f’Marzu li għadda. Il-każ kellu jibda jinstema’ llum quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace iżda meta ssejjaħ il-każ, wieħed mill-avukati ma setax jattendi.

L-inċident kien involva tliet karozza u Tonna allegatament baqa sejjer. Hu kien instab fir-residenza tiegħu mill-Pulizija u ttieħed f’għassa fejn sarlu t-test tal-breathalyser. Hu mifhum li Mario Tonna m’għaddiex mit-test.

F’Jannar li għadda, il-ġurnal In-Nazzjon kien żvela każ ta’ vjolenza domestika fejn allegatament ta daqqa ta’ ras lis-sieħba tiegħu li għamlet rapport l-għassa dwar l-inċident li kien seħħ fit-28 ta’ Diċembru. Dan kien wassal għar-riżenja ta’ Mario Tonna mill-Korp tal-Pulizija. Il-każ waqa’ wara li s-sieħba rtirat il-kwerela kontrih.

Lura fl-2011, Tonna kien instab ħati ta’ intimidazzjoni u fastidju lis-superjur tiegħu, is-Supretendent Carmelo Bartolo. Minkejja dan il-każ fuq il-fedina penali tiegħu, Mario Tonna ħa żewġ promozzjonijiet; minn Spettur għal Supretendent fl-2015 u minn Supretendent għal Assistent Kummissarju f’Ġunju tas-sena l-oħra.