Internazzjonali Kurżitajiet Lokali

Konsultazzjoni pubblika madwar l-Ewropa dwar jekk għandux jinżamm il-ħin tas-Sajf

Il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni pubblika madwar l-Ewropa fejn qed tistaqsi lill-pubbliku u stakeholders dwar jekk għandux jispiċċa il-ħin tas-Sajf.

Il-bidla fil-ħin, magħrufa bħala Daylight Savings, ilha magħna għal madwar 100 sena. L-iskop prinċipali tagħha hu li l-ħin jimxi mal-istaġuni sabiex ikun hemm l-użu massimu tad-dawl tax-xemx fix-xhur tas-Sajf.  Dan sabiex ikun iffrankat konsum tal-enerġija. Min jappoġġja t-tibdil fil-ħin jgħid ukoll li l-ħin tas-Sajf għandu benefiċċji oħrajn fosthom fuq is-saħħa tal-bniedem u tnaqqis fil-kriminalita’.

Il-pajjiżi Ewopej imexxu l-arloġġ siegħa ‘l quddiem għall-ħin tas-Sajf fl-aħħar Ħadd ta’ Marzu u jreġġgħuh lura fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru. Ħafna pajjiżi diġa’ kienu jagħmlu dan iżda l-prattika ġiet formalizzata f’Direttiva biex tkun osservata mill-pajjiżi kollha.

Madanakollu f’dawn l-aħħar snin bdew jiżdiedu l-vuċijiet sabiex il-ħin tas-Sajf jispiċċa darba għal dejjem. Huma jsostnu li x-xejriet fil-konsum tal-enerġija inbidlu minn 100 sena ‘l hawn u li dan ma jagħmilx iktar sens li mmexxu l-arloġġ ‘il quddiem.

Fuq quddiem nett ta’ dan il-moviment biex jitneħħa l-ħin tas-Sajf huma ċittadini f’pajjiżi Nordiċi, ewlenin fosthom il-Fillandiżi. Fil-fatt fix-xhur tas-Sajf, ix-xemx f’dawn l-pajjiżi prattikament ma tinżilx u huma jsostnu li dan qed jikkawża wkoll problemi ta’ saħħa.

Fl-2014, rapport ikkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali tat-Trasport u Mobilita’ kien wera li l-Gvernijiet tal-Istati Membri ftit huma nteressati li jċaqilqu l-affarijiet minn kif inhuma filwaqt li l-popolazzjoni jew m’għandhomx opinjoni jew sodisfatti kif inhuma.

Madanakollu, petizzjoni oħra, ukoll mill-Fillandiżi, wasslet biex il-ħin tas-Sajf ikun diskuss fil-Parlament Ewropew fi Frar li għadda. Minn dan ħarġet Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li ssejjaħ għal konsultazzjoni pubblika.

L-istħarriġ jista’ jitwieġeb online hawn.  It-tweġibiet jistgħu isiru kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż u l-pubbliku għandu ċans sas-16 ta’ Awwissu.