Lokali Qorti

Misjuba nieqsa dokumenti, arloġġi, droga u xi oġġetti li kienu se jkunu esebiti fil-Qorti

L-Assistenta Kummissarju Alexandra Mamo hi fdata b’investigazzjoni mill-aktar serja ta’ esibiti għall-Qorti li kienu qed jinżammu fl-Uffiċċju tal-Ispettur Jonathan Ransley fl-Għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema.

Minkejja li din is-serqa saret f’xi ħin nhar il-Ġimgħa li għadda, il-Gvern u l-Korp tal-Pulizija ma ħassewx li għandhom joħorġu xi tip ta’ stqarrija biex jiċċaraw il-fatti li jiċċirkondaw din is-serqa serja minn Għassa tal-Pulizija.

Id-dimensjoni ta’ din is-serqa tkompli ssir waħda aktar serja u gravi għall-fatt li l-ħalliel jew ħallelin li rnexxielhom jidħlu fil-binja ta’ din l-Għassa tal-Pulizija, irnexxielhom jitilgħu fis-sular ta’ fuq, jisgassaw bieb ta’ uffiċċju u minnu jisirqu l-oġġetti li eventwalment instabu nieqsa.

Ma hux magħruf jekk is-serqa ta’ dawn l-oġġetti kenitx metikolużament maħsuba biex jinsterqu l-oġġetti li fil-fatt instabu nieqsa biex hekk l-istess oġġetti ma jkunux ippreżentati fil-Qorti. Jew inkella s-serqa saritx għal skop biss biex minn dan l-uffiċċju partikulari jinsterqu għadd ta’ oġġetti, ikunu xi jkunu.

In-Nazzjon illum żvela li l-uffiċċju li minnu saret is-serqa hu dak tal-Ispettur Jonathan Ransley li fil-ħin tas-serqa jirriżulta li kien barra l-binja tal-Għassa fuq xogħol tas-Servizz.

Minn dan l-uffiċċju partikulari jirriżulta li nsterqu xi dokumenti, xi arloġġi, ammont ta’ droga u oġġetti oħrajn li kienu qed jinżammu proprju mill-Ispettur Jonathan Ransley ħalli jkun jista’ jesebihom il-Qorti f’kawżi separati li għandu.

Naturalment bl-isgass tal-uffiċċju u bis-serqa kienu infurmati mill-ewwel l-ogħla Awtoritajiet tal-Pulizija li infurmaw lill-Maġistrat tal-Għassa biex tkun tista’ tiskatta Inkjesta Maġisterjali.

Bl-indaġni dwar is-serqa jidher li kienet mgħobbija l-Assistenta Kummissarju Alexandra Mamo li qed tikkoordina din id-daqqa taħt iċ-ċinturin lill-Korp tal-Pulizija proprju f’dawn il-jiem meta l-istess Korp tal-Pulizija qiegħed jiċċelebra l-anniversarju mit-twaqqif tiegħu.

Fil-post tas-serqa ssejħu wkoll membri tas-Scene of Crime biex setgħu jelevaw xi impronti tal-idejn u s-saqajn. Il-Pulizija qed tinvestiga wkoll xi filmati tas-CCTV cameras li hemm fl-inħawi.

Kienu mitkellma wkoll għadd ta’ Pulizija li jservu f’din l-Għassa dwar dak li ġara, aktar u aktar meta din is-serqa spettakolari saret minn ġewwa uffiċċju fl-istess Għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema u minn uffiċċju fis-sular ta’ fuq ta’ Spettur tal-Pulizija.

Din is-serqa qed titqies bħala waħda serqa u gravi ħafna u li tissokta fil-katina ta’ serq, tbagħbis, għajbien ta’ tlett każijiet oħra mill-Qorti li kienu żvelati fil-jiem li għaddew.

Nifhmu li b’rabta ma’ din is-serqa f’dawn il-jiem il-Pulizija, anki bl-għajnuna ta’ kollegi mid-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali (DIK) tkellmet ma’ terzi persuni li jiffrekwentaw l-istess Għassa tal-Pulizija.