Kultura Lokali

Se jmur Leeuwarden biex jiġbor ġieħu wara l-kummenti ta’ Jason Micallef

Fil-jiem li ġejjin, Owen Bonnici se jitla' Leeuwarden fl-Olanda biex jagħti spjegazzjoni wara kummenti magħmula minn Jason Micallef

Il-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici se jkollu jmur l-Olanda biex jiġbor ġieħu mal-Fondazzjoni tal-Kapitali tal-Kultura t’hemmhekk. Dan wara kummenti miċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef.

Il-belt ta’ Leeuwarden bħalissa qed iġġorr it-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura flimkien mal-Belt Valletta, iżda wara kummenti magħmula minn Jason Micallef aktar kmieni din is-sena, il-Fondazzjoni t’hemmhekk kienet iddeċidiet li tibbojkottja lill-Valletta 2018.

Fil-bojkott, il-Fondazzjoni tal-Kapitali tal-Kultura ta’ Leeuwarden iddeċidiet li ma tibgħatx rappreżentati hawn Malta sakemm il-Fondazzjoni Valletta 2018 ma tiddistakkax ruħha mill-kummenti offensivi u ta’ redikolaġni magħmula miċ-Chairperson tal-V18 Jason Micallef fil-konfront tal-ġurnalista maqtula Daphne Caruana Galizia, partikolarment meta qabbel l-aħħar kelmiet ta’ Caruana Galizia ‘The situation is desperate’, ma’ attività kummerċjali mtella’ f’Jum San Patrizju.

Wara li l-Fondazzjoni ta’ Leeuwarden ibbojkotjat lill-Valletta 2018, il-Ministru Owen Bonnici kien stieden ruħu b’idejh fl-Olanda biex jagħti spjegazzjoni dwar dan kollu.

Jidher li l-provinċja ta’ Friesland, li fiha tinsab il-belt ta’ Leeuwarden, laqgħet din l-istedina u filfatt fil-jiem li ġejjin il-Ministru Owen Bonnici se jkun qed iżur din il-belt. Iż-żjara se tkun qed issir nhar il-Ħamis 12 ta’ Lulju, u dan ħareġ minn press call li l-media Maltija rċeviet biex tirrapporta ż-żjara.

L-Uffiċjali Olandiżi tal-Belt Kapitali tal-Kultura ma jibgħatux aktar rappreżentanzi lejn pajjiżna minħabba Jason Micallef