Sport Waterpolo

Isiru xogħlijiet fil-Pixxina Bernat Picornell fejn it-tim Malti se jilgħab fil-Kampjonat Ewropew

Il-Pixxina Bernat Picornell fejn se jintlagħab il-logħob

Hekk kif issa ninsabu ftit jiem bogħod mill-ftuħ tal-Kampjonat Ewropew, il-preparazzjoni għat-33 edizzjoni tinsab għaddejja ġmielha. Il-logħob kollu ta’ din l-edizzjoni se jsir fil-Pixxina Bernat Picornell ta’ Barcelona.

Il-Pixxina nbniet fl-1969 bi preparazzjoni għall-Kampjonati Ewropew Akwatiċi tal-1970. Il-kumpless hu ddisinjat mill-arkitetti Antonio Lozoya u Joan Ricart u oriġinarjament kien jikkonsisti fi tliet pixxini tal-għawm fuq barra.

Il-Pixxina Bernat Picornell laqgħet diversi kompetizzjonijiet. Fl-1990 saru xogħlijiet bi preparazzjoni għall-Olimpjadi tal-1992. Maż-żmien saru wkoll il-Kampjonat tad-Dinja tal-Akwatika fl-2003 u fl-2013 tal-Waterpolo.

B’ħidma li saret fl-aħħar ġimgħat, il-Pixxina għandha kapaċità ta’ 4,200 spettatur. Aktar minn 300 persuna ħadmu bla waqfien biex il-Pixxina Bernat Picornell tilqa’ fiha s-16-il tim tal-irġiel kif ukoll tan-nisa.

Mill-aspett ta’ media, b’kollox se jkun hemm 34 kumpanija tat-televiżjoni li akkwistat id-drittijiet li xxandar dan l-avveniment. Il-Kampjonat Ewropew se jintwera f’aktar minn 50 pajjiż minn kontinenti differenti, b’attendenza mistennija ta’ biljun ruħ.