Futbol Sport

Draw għal Valletta fl-Albanija fl-ewwel leg tal-ewwel rawnd taċ-Champions League

Valletta spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls kontra FK Kukesi tal-Albanija fl-ewwel leg tal-UEFA Champions League f’logħba li ntlagħbet fil-Loro Borici Stadium f’Shkoder. Dan id-draw jħalli lit-tim Belti b’ċans tajjeb li jikkwalifika għat-tieni rawnd.

Il-kowċ ta’ Valletta Danilo Doncic beda b’formazzjoni tipika li spiċċat l-istaġun, bl-eċċezzjoni ta’ Mario Fontanella li mexxa l-attakk bħala l-attakkant prinċipali.

It-tim Albaniż kellu vantaġġ territorjali fuq Valletta, iżda l-Beltin ukoll kellhom xi tentattivi indirizzati lejn il-lasta permezz ta’ Matteo Piciollo u s-sostitut Kyrian Nwoko. Il-partita ta’ ritorn tintlagħab it-Tlieta 17 ta’ Lulju fis-6.00pm fis-Centenary Stadium.

Min jgħaddi minn dan ir-rawnd jilgħab kontra Olimpija Ljubljana jew Qarabag fit-tieni rawnd tal-UEFA Champions League filwaqt li min jiġi eliminat jidħol fit-tieni rawnd tal-UEFA Europa League kontra Spartak Trnava jew Zrinjski.