Lokali

FILMAT: Preżenza qawwija tal-Pulizija wara argument “kbir” fil-Marsa

Aġġornata

Ġlieda bejn madwar 30 ruħ fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa wassal biex fuq il-post kellhom jissejjħu numru kbir ta’ Pulizija biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

L-argument inqala’ ftit qabel nofsinhar u bħala prekawzzjoni, marru fuq il-post tal-anqas tmien karozzi tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit.

Fortunatament, l-argument – deskritt minn persuni li tkellmu ma’ NET News bħala ‘kbir’ – ma ħalliex persuni midruba.

Kelliema għall-Pulizija kkonfermat ma’ NET News li fuq il-post, il-Pulizija kellmu lil xi nies sakemm is-sitwazzjoni reġgħet ikkalmat. Jidher li ħadd ma ġie arrestat. Il-Pulizija kkonfermaw ukoll li fl-argument, kienu involuti madwar 30 persuna.

Sa issa għad mhux magħruf kif żviluppa l-argument li wassal biex fuq il-post kellhom imorru ħafna Pulizija mit-Taqsima tar-Rapid Intervention Unit.