Lokali Qorti

F’Malta: Heddidha li jgaralha lit-tarbija tliet sulari ‘l isfel

Allegatament wara ġlieda fuq €50 li l-missier uża biex jixtri blokka ħaxixa

Missier ta’ tifel li llum għandu disa’ snin ġie akkużat minn omm l-istess tifel li kien hedded li jaqbad lit-tarbija u jgaraha mill-cot tliet sulari ‘l isfel wara ġlieda fuq €50.

Dan ħareġ mill-provi li tressqu f’kawża fil-Qorti tal-Familja dwar il-kustodja u l-kura ta’ tifel minorenni. Fil-kawża, l-omm talbet lill-Qorti biex tingħata l-kura u l-kustodja esklussiva tat-tifel peress li missier it-tifel “issa qed ikellem mara oħra u billi jpejjep il-ħaxixa.”

Fix-xhieda tagħha, l-omm qalet li t-tifel tagħha twieled fl-2009 u mmedjatament wara, hi marret tgħix ma’ missier it-tifel. Qalet li darba kellhom xi jgħidu tant li missier it-tifel kien qalilha li “jaqbad u jgaralha lit-tifel mill-cot, tliet sulari ‘l isfel.”

Skont l-omm, il-ġlieda kienet bdiet minn €50 li r-raġel kien ta lill-mara biex tixtri xi affarijiet għat-tifel. Madanakollu, dakinhar kien ċempel ħabib tar-raġel u wara din it-telefonata, ir-raġel talab lill-omm it-tarbija biex ittih il-flus lura. Skont l-omm, il-ġlieda bdiet wara li hi “riedet tara l-mobile tiegħu, u billi beżgħet mit-theddid li jarmi lit-tifel ‘l isfel, tatu l-flus lura.”

Fil-provi, l-omm żiedet li ftit wara ġie ħabib tar-raġel u mill-gallarija rat lil missier binha jħallas €50 lil ħabib tiegħu “li ġablu blokka ħaxixa.”

Xehdet ukoll in-nanna tat-tifel, li tiġi omm il-mara li fetħet il-kawża fil-Qorti. In-nanna tat-tifel qalet fil-Qorti li kemm bintha kif ukoll missier it-tifel kienu ddeċidew li jmorru jgħixu flimkien, iżda kienu jiġġieldu ħafna. Żiedet li missier it-tifel qatt ma kien jagħti każ lit-tifel fejn daqqa kien jgħid li hu tiegħu u daqqa jgħid li mhux tiegħu.

Tul il-proċess kollu ta’ din il-kawża, missier it-tifel ma deher qatt – u lanqas ma ssottometta r-risposti tiegħu skont il-liġi. Filfatt, il-Qorti tal-Familja ddikkjarat lir-raġel kontumaċi.

Apparti l-kawża fil-Qorti tal-Familja miftuħa minn omm it-tifel, jirriżulta li l-missier għad għandu numru ta’ kawżiet oħra miftuħa fil-konfront tiegħu, fosthom kawża fuq akkuża ta’ frodi, kawża fuq akkuża ta’ pussess ta’ droga u kawża oħra fuq akkuża ta’ rapport falz – kollha każijiet pendenti quddiem il-Qrati Kriminali.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Imħallef Robert Mangion, iddikjarat li l-missier “mhux idonju biex ikollu jew jaqsam il-kura u l-kustodja tal-minuri” mal-omm, tant li l-omm ġiet fdata bil-kura u l-kustodja esklussiva tat-tifel.

Dwar it-talba mill-omm għall-ħlas tal-manteniment mill-missier, il-Qorti ddeċidiet li s-somma għandha tkun ta’ €200 fix-xahar wara li kkunsidrat li ma jirriżultax li missier it-tifel mhuwiex kapaċi li jaħdem. Il-Qorti nnutat li dwar dan, missier it-tifel kellu l-opportunità li jipparteċipa fil-proċeduri – iżda naqas milli jagħmel dan.