Lokali

Ħasla lill-Gvern mill-MUT dwar is-superviżjoni fuq it-trasport tal-iskola

"Il-Ministeru ma jistax jippretendi li l-irwol tal-edukaturi jiġġebbed għall-ħtiġijiet ta' wegħdiet sbieħ fuq il-karta iżda li m'hemm l-ebda pjan kif jistgħu jitwettqu"

“Il-Ministeru tal-Edukazzjoni ma jistax jippretendi li l-irwol tal-edukaturi jibqa’ jiġġebbed għall-ħtiġijiet ta’ wegħdiet sbieħ fuq il-karta iżda li m’hemm l-ebda pjan kif jistgħu jitwettqu.”

Kien dan il-qofol ta’ stqarrija maħruġa mill-Union tal-Għalliema Maltin (l-MUT) dwar il-kwistjoni tas-superviżjoni waqt it-trasport tal-istudenti.

L-MUT qalet li filwaqt li din il-proposta hija waħda tajba, il-Ministeru ma jistax iġebbed l-irwol tal-edukaturi biex jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ proposti sbieħ fuq il-karta, li madanakollu ma jkun hemm l-ebda pjan kif jistgħu jitwettqu ladarba jitħabbru. Dan intqal fid-dawl tal-informazzjoni mxandra dwar in-nuqqas ta’ interess minn edukaturi fis-superviżjoni tat-trasport tat-tfal tal-iskejjel.

Fl-istqarrija iebsa tagħha, l-MUT żiedet li lanqas mhi sorpriża b’din l-aħbar tant li kienet minn tal-ewwel li esprimiet it-tħassib dwar kemm l-edukaturi se jkunu qed jipparteċipaw f’din l-inizjattiva. Filfatt, l-MUT qalet li dan sostnietu f’mill-inqas żewġ laqgħat li kellha mal-awtoritajiet – fejn f’waħda minnhom kien hemm preżenti wkoll rappreżentanti ta’ kumpanija privata li ġiet imqabbda sabiex tagħmel l-istudji preparatorji għal dan is-servizz.

Skont l-MUT, hemm nuqqas ta’ interess min-naħa tal-edukaturi minħabba l-aspett loġistiku marbut ma’ dan is-servizz. Iżda fattur ieħor li qed iwassal għan-nuqqas ta’ interess ġej minħabba l-possibiltà li dawk l-għalliema li jagħmlu superviżjoni, jkollhom joqgħodu responsabbli għal gruppi ta’ studenti li jaqbżu l-ħamsin.

Fattur ieħor hu marbut mal-fatt li jekk jidħlu għal dan is-servizz, l-edukaturi jkollhom jaslu fil-pick-up point bil-karozza tagħhom u jħalluha hemmhekk ġurnata sħiħa – ‘il bogħod mill-iskola fejn jekk tinqalalhom emerġenza familjari matul il-jum, ma jkunux jistgħu jmorru.

“Għaldaqstant l-MUT tappella lill-Ministeru sabiex janalizza sew u jindirizza r-raġunijiet veri wara n-nuqqas ta’ interess mill-edukaturi. Il-Union tisħaq ukoll il-ħtieġa li l-persuni li ser jiġu fdati sabiex joffru dan is-servizz għandu jkollhom il-kredenzjali kollha sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu superviżjoni mal-istudenti,” ittemm tgħid l-istqarrija tal-Union tal-għalliema.