Lokali

Il-ġimgħa d-dieħla ċ-ċiklisti tal-Alive jibdew l-avventura tagħhom minn Vjenna sa Milan

Il-ġimgħa d-dieħla, 28 ċiklist tal-Fondazzjoni Alive se jkunu qed iħallu Malta biex f’sebat ijiem jaqdfu 1,200 kilometru minn Vjenna għal Milan. U dan biex jinġabru fondi għar-riċerka kontra l-marda tal-kanċer.

Bit-tema ta’ din is-sena “Together We Can”, iċ-ċiklisti s’issa ġabru 2,400 ewro kull wieħed u l-fondi kollha jingħaddew lill-Fond tar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Iżvilupp fi ħdan l-Univesità ta’ Malta (RIDT).

Fl-avventura ta’ din is-sena, ad unur Aldo Bonett li tilef ħajtu f’Diċembru li għadda, iċ-ċiklisti tal-Alive se jaqdfu 1,200 kilometru f’sebat ijiem biex imorru Vjenna, Salzburg, Brenner Pass, Lago di Garda u Milan.

Din se tkun is-sitt edizzjoni tal-isfida Alive, hekk kif fl-ewwl ħames edizzjonijiet inġabru aktar minn nofs miljun ewro. Iċ-ċiklisti se jħallu pajjiżna fid-19 ta’ Lulju.