Ambjent Lokali

Jesprimu l-inkwiet tagħhom lill-President

Laqgħa oħra mis-serje ta' laqgħat li qed isiru kontra l-iżvilupp fuq l-art tal-ITS

Ir-residenti ta’ Pembroke esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar il-proġett propost fuq is-sit tal-ITS waqt laqgħa mal-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.

Ir-residenti spjegaw li din l-istruttura massiva, li tinkludi torri ta’ 37 sular u lukanda ta’ 19-il sular, se tinbena ftit metri biss ‘il bogħod mill-appartamenti ta’ madwar 260 familja li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali.

Intqal illi żvilupp mostruż bħal dan mhux biss se jgħatti x-xemx b’mod kważi permanenti għar-residenti li jgħixu f’dawn l-appartamenti, iżda se jikkawża wkoll ħsara permanenti lis-saħħa fiżika u mentali tagħhom, speċjalment fuq dik tat-tfal, matul il-fażi tal-kostruzzjoni tal-proġett li se tieħu s-snin u li se tiġġenera tniġġis tal-arja u storbju ma jaqta’ xejn.

Ir-residenti enfasizzaw li l-iżvilupp kollu għandu jqis il-benessri soċjali, id-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri. Bħalissa jħossu li l-komunità tagħhom tinsab taħt assedju minn proġetti ta’ kostruzzjoni u kummerċjalizzazzjoni mhux sostenibbli.

F’dawn l-aħħar jiem, ir-residenti għamlu wkoll tliet laqgħat separati mad-deputati eletti kollha mid-disa’ u l-għaxar distrett sabiex jiddeskrivu l-impatti negattivi ħafna tal-proġett propost mid-db Group li jekk isir se jidfinhom ħajjin.