Lokali

Ma tintlaqax talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati

Ritratt: Arkivji

Talba mill-ġdid magħmula mit-tliet akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għall-ħelsien mill-arrest kienet miċħuda għal darb’oħra mill-maġistrat Claire Stafrace Zammit.

It-talba saret mill-avukati tal-akkużati Alfred Degiorgio, George Degiorgio u Vince Muscat il-ġimgħa li għaddiet.

L-akkużati ilhom arrestati mill-4 ta’ Diċembru li għadda waqt rejd tal-Pulizija fil-Marsa. Huma eventwalment kienu akkużati bil-qtil permezz ta’ karrozza bomba tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-maġistrat li quddiema instemgħet il-kumpilazzjoni diġa qalet li hemm biżżejjed evidenza biex l-akkużati jitpoġġew taħt att t’akkuża u jgħaddu ġuri.

L-istess maġistrat kienet ukoll ma laqgħetx talba oħra għall-ħelsien mill-arrest f’April li għadda meta qalet li ma laqgħetx it-talba minħabba n-natura serja tal-offiżi li li jinsabu akkużati bihom, il-protezzjoni tal-ordni pubbliku, ir-riskju li l-akkużati jikkomettu reati oħrajn u li jistgħu jaħarbu fid-dawl li l-akkużi li qed iġorru għandu massimu ta’ piena ta’ għomor il-ħabs.

Għalhekk fl-aħħar deċiżjoni tagħha l-maġistrat Claire Stafrace Zammit kkwotat dawn ir-raġunijiet kif ukoll sostniet li l-qtil tal-ġurnalista kien jixbah lil xi eżekuzzjoni tal-mafja u għalhekk il-qorti hi fid-dmir li tipproteġi lis-soċjetà.

Il-maġistrat qalet ukoll li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma kienx biss qtil ta’ persuna ordinarja imma ta’ ġurnalista. Għalhekk dan il-qtil kien attakk fuq il-libertà tal-espressjoni, pilastru ewlieni f’soċjetà demokratika.

Jirriżulta wkoll li l-akkużati ma kienux l-uniċi nies involuti f’dan il-qtil u għalhekk persuni oħra li huma implikati fir-reat jista’ jkun li għadhom igawdu l-libertà. Dan ifisser li jekk l-akkużati jingħataw il-libertà jistgħu jippreġudikaw l-arrest ta’ persuni oħrajn.

Dawn ir-raġunijiet kollha wasslu biex ġiet miċħuda t-talba tal-akkużati.