Żmien l-iskużi issa għadda u Malta ma tistax tibqa’ tistenna li ssirilha aktar ħsara. Hemm bżonn ir-riżenji biex l-istituzzjonijiet tal-pajjiż jissaħħu issa.
Hekk kiteb il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fuq Twitter wara r-rapport maħruġ l-Erbgħa filgħaxija mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) fil-konfront tal-ħidma tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU).
Dan hekk kif il-konklużjoni tal-EBA tindika kif fl-FIAU hemm nuqqasijiet kbar u sistematiċi, li qed iwasslu għall-ksur tal-liġijiet Ewropej, u dan jirriżulta mill-mod kif ġie trattat il-każ tal-Bank Pilatus mill-istess FIAU. L-EBA tat ukoll rakkomandazzjonijiet ta’ kif l-FIAU tista’ tirregola ruħha.
Kien fl-aħħar ta’ Ottubru li għadda li l-Awtorità Bankarja Ewropea kienet ġiet mitluba mill-Kummissjoni Ewropea biex tinvestiga lill-FIAU u lill-Pilatus Bank, u possibilment, ksur tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu – speċjalment għar-rigward tal-mod kif ġie trattat il-każ tal-Pilatus Bank mill-awtoritajiet finanzjarji Maltin. It-talba lill-Kummissjoni kienet saret mill-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa.
L-investigazzjoni uffiċjali mill-Awtorità Bankarja Ewropea kienet infetħet fit-23 ta’ Mejju li għadda, bl-FIAU tibqa’ tinsisti li m’għamlet xejn ħażin u li kellha s-sistemi kollha f’posthom.
Imma r-rapport finali tal-Awtorità Bankarja Ewropea, bl-iswed fuq l-abjad, juri mod ieħor. “Dak li sabet l-Awtorità Bankarja Ewropea jipponta lejn nuqqasijiet ġenerali u sistematiċi fil-mod ta’ kif l-FIAU applikat il-liġi tal-Unjoni Ewropea”, jikkonkludi r-rapport, bl-Awtorità Ewropea żżid li l-FIAU ftit għamlet biex tassigura li dawn il-liġijiet jiġu applikati kif suppost, bl-Awtorità saħansitra tagħmel numru ta’ rakkommandazzjonijiet.
Ir-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità Bankarja Ewropea saru wara li l-istess Awtorità Ewropea saħansitra kienet ġiet Malta fejn kienet sħarrġet jekk l-awtoritajiet finanzjarji Maltin applikawx il-liġijiet Ewropej għar-rigward tal-każ Pilatus Bank.
Fir-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea, Pilatus Bank jiġi deskritt bħala bank privat b’bażi ta’ klijenti sinjuruni li ħafna minnhom nstabu li għandhom rabtiet ma’ pajjiżi li huma meqjusa bħala ċentri għall-ħasil tal-flus.
Fost l-oħrajn, l-Awtorità Bankarja Ewropea eżaminat spezzjoni li l-FIAU kienet għamlet fl-uffiċini ta’ Pilatus Bank – bl-Awtorità Ewropea tikkonkludi li l-FIAU, minn din iż-żjara, la għandha record ta’ liema files u dokumenti eżaminat u lanqas ma żammet lista tad-dokumenti li Pilatus Bank ma preżentax minkejja li mitlub.
L-FIAU saħansitra ġiet ikkundannata talli ma ħassitx li kellha tagħmel spezzjoni ta’ Pilatus Bank qabel ma ntalbet biex tagħmel hekk mill-MFSA – sentejn wara li Pilatus Bank beda jopera f’Malta u dan minkejja li dan il-bank f’Ta’ Xbiex hu wieħed ‘high risk’.
Fi tmiem ir-rapport, l-Awtorità Bankarja Ewropea għamlet tmien rakkomdanazzjonijiet li kollha huma indirizzati biex l-FIAU tirregola l-mod kif topera ħalli ma jibqax ikun hemm ksur tal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea, bl-Awtorità Ewropea tgħid li dan għandu jsir, fost l-oħrajn, billi toqgħod iktar attenta għal banek ‘high risk’ anke billi tieħu inkunsiderazzjoni l-klijenti li jużawhom; u billi ssaħħaħ il-proċessi interni tagħha.
//= $special ?>