Internazzjonali

Summit jaħraq tan-NATO

Fi Brussell fetaħ summit tan-NATO, li qabel ma beda kien ikkaratterizzat minn polemiċi mal-President Amerikan Donald Trump.
Polemiċi li bdew wara li Trump ikkritika lill-pajjiżi alleati tan-NATO li ma kinux qed jonfqu biżżejjed fuq il-militar tagħhom. Huwa kkritika lill-Unjoni Ewropea minħabba l-iżbilanċ fil-kummerċ li hemm mal-Istati Uniti.
Dan wassal għal ċanfira fost l-oħrajn minn Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, li wissa lil Trump biex jieħu ħsieb il-ftit alleati li kien għad fadallu. Trump ukoll kellu xi jgħid mal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel wara li stqarr li l-Ġermanja kienet ikkontrollata mir-Russja. Trump qal dan minħabba l-ammont kbir ta’ gass li l-pajjiż kien qed jimporta mir-Russja u din kienet xi ħaġa ħażina għan-NATO. Huwa kkritika wkoll il-kontribuzzjonijiet tal-Ġermanja lin-NATO. Xi ħaġa li wasslet għal reazzjoni rrabjata ta’ Merkel.
Is-summit ta’ Brussell qed isir anqas minn ġimgħa qabel is-summit ta’ Trump mal-President Russu Vladimir Putin f’Helsinki. L-ewwel summit taż-żewġ mexxejja u li qanqal tħassib li Trump se jxolji dak kollu li sar s’issa biex ir-Russja tkun iżolata. Trump anki ħasad lil ħafna meta qabel is-summit stqarr li dan is-summit tan-NATO jaf ikun aktar diffiċli minn dak li se jkollu ma’ Putin.
Trump qal li kien hemm ħafna membri tan-NATO li kienu qed japprofittaw mll-Istati Uniti.
Kemm Merkel kif ukoll Tusk fakkru lil Trump li mat-truppi Amerikani fl-Afganistan kien hemm truppi Ewropej. Truppi li wkoll tilfu ħajjithom u li ntbagħtu hemm bħala reazzjoni għall-attakki tal-11 ta’ Settembru fl-Istati Uniti.