Futbol TAZZA TAD-DINJA 2018

TAZZA TAD-DINJA: Minn dmugħ ta’ ferħ għall-gass tad-dmugħ; iċ-ċelebrazzjonijiet f’Pariġi jispiċċaw f’irvellijiet

Partitarji jwaddbu lejn il-Pulizija kulma jiġi għal idejhom

Minn dmugh ta’ ferħ għal gass ta’ dmugh. Hekk spiċċat is-serata ta’ mijiet ta’ partitarji Franċiżi f’Pariġi hekk kif iċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħa tat-tim nazzjonali Franċiż spiċċaw f’irvellijiet.

Fi tmiem is-semifinali tat-Tazza tad-Dinja mirbuħa minn Franza kontra l-Belġju f’San Pietruburgu eluf ta’ partitarji Franċiżi ħarġu jiċċelebraw madwar il-pajjiż hekk kif it-tim nazzjonali jinsab mill-ġdid fil-finali wara 12-il sena.

Iżda għal xi raġuni, iċ-ċelebrazzjonijiet fiċ-ċentru tal-belt kapitali spiċċaw fi ġlied hekk kif il-pulizija ta’ kontra l-irvellijiet kellhom jisparaw il-gass tad-dmugħ fuq il-partitarji f’Champs Elysees, b’dawn tal-aħħar iwieġbu billi jwaddbu kulma jiġi għal idejhom lejn il-pulizija. Sa issa għad ma ħarġux rapporti ta’ persuni midruba jew jekk sarux xi arresti.

Intant nhar il-Ħadd, Franza se tilgħab għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja kontra r-rebbieħ tas-semifinali tal-lejla f’Moska bejn Kroazja u l-Ingilterra.