Lokali Qorti

Xhud tirrakkonta kif rat il-karozza tinstaq bil-mod qabel ma żdiedet il-veloċità f’salt u taħtha nġarr Simon Schembri

L-akkużat beda jsuq il-karozza bil-mod qabel ma qabad iżid il-veloċità f’salt u ġarr lill-Kuntistabbli miegħu. Hekk iddeskriviet parti mix-xena, xhieda fil-każ kontra Liam Debono, ta’ 17-il sena, akkużat fost l-oħrajn bl-attentat ta’ qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri fil-15 ta’ Mejju li għadda.

Fil-Qorti, iż-żagħżugħa spjegat dak kollu li rat dakinhar tal-każ, fost l-oħrajn kif Schembri għamel sinjal lix-xufier tal-karozza Mercedes li kienet warajh biex jitfa’ mal-ġenb għax innota li kien mingħajr ‘seatbelt’. Kif il-Kuntistabbli resaq lejn il-karozza, hu talab lix-xufier għal dokument ta’ identifikazzjoni, bl-akkużat deher iwieġeb fin-negattiv billi għamel mossa b’rasu.

Ix-xhud kompliet tispjega kif wara li mar qrib il-mutur u kkomunika ma’ xi ħadd bir-‘radio’, Schembri reġa’ mar quddiem il-karozza misjuqa minn Debono. Kien f’dan l-istadju, kompliet iż-żagħżugħa, li l-karozza dehret tinstaq bil-mod bil-vittma jagħmillu s-sinjal biex jieqaf meta l-akkużat saq fuq il-Kuntistabbli u żied il-veloċità f’salt.

Hi kompliet tgħid li lil Schembri ma ratux aktar, iżda minn taħt il-karozza rat xi ħaġa ttir. Din aktar tard kienet identifikata bħala l-ingwanta tal-Kuntistabbli, li nġabret aktar tard. Iż-żagħżugħa qalet li ċemplet 112 biex tirrapporta l-każ.

Il-Maġistrat Joe Mifsud, li qed imexxi l-każ, diġà ddeċieda li hemm biżżejjed evidenza ħalli l-akkużat jingħadda ġuri. Dan wara li sa mill-ewwel xhieda kien stabbilit li Debono ġarr lil Simon Schembri mqabbad mal-karozza għal madwar 400 metru qabel ma l-Kuntistabbli nqala’ u ħareġ minn taħt il-karozza.