Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-Parlament Ewropew se jibqa’ jagħmel pressjoni biex isib soluzzjonijiet għall-immigrazzjoni

Antonio Tajani jiltaqa’ ma’ David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech

Waqt laqgħa mal-MEPs Maltin David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech, il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani enfażizza l-appoġġ tal-Parlament Ewropew lill-poplu Malti dwar sfidi kbar li għandu quddiemu, partikolarment l-immigrazzjoni mill-Afrika. “Malta hi pajjiż fil-fruntiera tal-Ewropa u viċin għall-immigrazzjoni mill-Afrika. Ma nistgħux inħallu lil Malt, jew lill-Italja jew lill-Greċja weħidhom biex jindirizzaw din l-isfida tal-immigrazzjoni. Qed naħdmu fuq soluzzjoni fit-tul, li tinvolvi li l-Libja – li jien żort din il-ġimgħa – tkun aktar stabbli, u ftehim ma’ pajjiżi bħan-Niger, li se nżur il-ġimgħa d-dieħla, biex nipromwovu djalogu konkret mal-Afrika,” qal Tajani waqt il-laqgħa mad-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fi Brussell.

L-MEPs Maltin esprimew tħassib dwar il-fatt li r-riforma tar-Regoli ta’ Dublin ma hemmx qbil dwarha bejn il-gvernijiet fil-Kunsill Ewropew, u saħqu l-bżonn li tkun l-Ewropa sħiħa li tindirizza l-isfida tal-immigrazzjoni. Dwar dan, il-President Tajani qal “Bħala soluzzjoni fit-tul dwar l-immigrazzjoni, hemm bżonn li nsaħħu l-fruntieri tagħna u ninvestu fl-Afrika. Fiż-żmien qasir, iżda, irridu naraw li ebda pajjiż ma jkun taħt pressjoni mill-immigrazzjoni waħdu. Mhux se nħallu lil Malta weħidha. Irid ikollna distribuzzjoni tal-immigranti sostenibbli u ġusta. Il-Parlament hu ċar dwar dan. Anke grazzi għar-rwol b’saħħtu li kellhom il-membri Maltin, meta f’Novembru li għadda, vvutajna favur riforma tar-Regoli ta’ Dublin, li għandha twassal biex tassigura liċ-ċittadini Maltin li jkun hemm mekkaniżmu ta’ distribuzzjoni awtomatiku.”

L-MEPs tal-Partit Nazzjonalista rrimarkaw ukoll dwar l-isfida fin-negozjati dwar il-baġit li jmiss tal-UE, fejn Malta assigurat pakkett ta’ €1.128 biljun taħt l-amministrazzjoni ta’ Gonzi fl-2013. Il-pakkett propost mill-Kummissjoni f’Mejju li għadda, dwar is-seba’ snin li jmiss fih tnaqqis importanti fil-fondi ta’ koeżjoni, li huma kruċjali għal Malta. Dwar dan, il-President Tajani ddikjara li l-Parlament Ewropew ma jridx iħalli li l-politika ta’ koeżjoni Ewropea tiddgħajjef, li wasslet għal progress importanti f’diversi stati membri, inkluż Malta.

Fl-aħħarnett, il-President Tajani staqsa dwar il-progress tal-investigazzjoni tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dwar dan, hu qal “Se nkomplu nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet Maltin biex jassiguraw li l-imħuħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jiġu identifikati u ssir il-ġustizzja. Il-qtil ta’ ġurnalista hu attentat fuq il-libertà tal-espressjoni. Hu attentat fuq wieħed mill-aktar valuri importanti f’demokrazija. Jekk tirrenja l-impunità, anke s-saltna tad-dritt tiddgħajjef. Il-Parlament Ewropew se jkompli jagħmel pressjoni mal-Kummissjoni Ewropea biex tintroduċi miżuri li jiproteġu lill-ġurnalisti madwar l-Ewropa.

Se nkunu viġilanti wkoll biex naraw li f’Malta jkun hemm is-saltna tad-dritt. Hu għalhekk li waqqafna grupp ta’ ħidma dwar is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt fl-istati membri, b’attenzjoni speċjali fuq Malta. Aħna nieħdu nota tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea li jgħidu li Malta għandha tħaffef il-pass biex tintroduċi liġijiet kontra l-ħasil tal-flus. Aħna konvinti li l-poplu Malti irid li jkollu reputazzjoni tajba fl-Ewropa u jara li s-saltna tad-dritt qed titħaddem kif suppost,” temm Tajani.

Il-President Tajani rrefera wkoll għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew is-sena d-dieħla, u qal li l-Parlament diġà beda bil-kampanja ta’ kommunikazzjoni biex iħeġġeġ liċ-ċittadini Ewropej biex jivvutaw u jgħażlu r-rappreżentanti tagħhom fuq livell Ewropew. Hu faħħar il-ħidma tal-MEPs biex jispjegaw il-poplu Malti xi rnexxielu jagħmel il-Parlament Ewropew għal Malta, u kif id-deċiżjonijiet meħuda mill-MEPs f’din il-leġiżlatura wasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji u n-negozji Maltin.

Il-President tal-Parlament Ewropew faħħar lill-MEPs David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech għall-ħidma kbira tagħhom fil-Parlament Ewropew, jirrapreżentaw l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi. “Jien ħdimt mill-qrib mal-MEPs Casa, Metsola u Zammit Dimech, u naf id-dedikazzjoni kbira tagħhom u l-professjonalità f’dak kollu li jagħmlu fil-Parlament Ewropew,” qal Tajani.

L-MEPs Casa, Metsola u Zammit Dimech irringrazzjaw lill-President Tajani għall-impenn tiegħu għal Malta u l-ħidma mill-qrib għall-poplu Malti, u qalu li se jkomplu jaħdmu fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.

L-elezzjonijiet Ewropej f’Malta se jsiru s-Sibt 25 ta’ Mejju 2019.