Lokali

Illejla kunċert spettakolari f’Ħal Qormi

Atmosfera mhux normali għal kantant li minflok ma jkanta mal-grupp tiegħu – magħmul minn erba’ mużiċisti – ikanta ma’ 70 bandist.

Hekk iddikjara ma’ NET News Ben Haenow, rebbieħ ta’ X-Factor tal-2014, li se jkun il-mistieden ewlieni fil-kunċert annwali mtella’ mis-Soċjetà Filarmonika Pinto ta’ Ħal Qormi.

Bħal kull sena oħra, il-kunċert qed jittella’ bħala parti mill-ġimgħa tal-Festa ddedikata lil San Bastjan, bl-attività se tkun maqsuma fi tnejn.

L-ewwel parti se tinkludi mużika tradizzjonali u klassika, partikolarment biex jitfakkru l-275 sena minn meta Ħal Qormi saret belt u l-20 sena minn meta ttellgħu l-qniepen fuq il-Knisja Parrokkjali ddedikata lil San Bastjan.

It-tieni parti tal-kunċert se tinkludi s-sehem ta’ numru ta’ kantanti, li se jkunu qed ikantaw bl-akkumpanjament mużikali tal-bandisti tal-Banda Pinto. Minbarra Ben Haenow, se jkantaw ukoll Gianluca Cilia, il-grupp Għawdxi Cash & Band, David Sammut, kif ukoll Ludwig Galea u Eleanor Spiteri.

Fl-ewwel żjara tiegħu f’pajjiżna, il-kantant Ingliż fisser lill-poplu Malti bħala ġentili u li jipprovdi atmosfera inkredibbli. Innota kif is-sens ta’ komunità tinħass ħafna u li għalih din mhijiex normali, partikolarment f’ċerti żoni tar-Renju Unit.

Min-naħa tiegħu, ma’ NET News, is-Segretarju tas-Soċjetà Filarmonika Pinto, Roderick Vella, appella lil kulħadd biex jattendi għax din l-attività li se ssir llejla hi miftuħa għal kulħadd.

Il-kunċert hu wieħed minn għadd ta’ attivitajiet li s-Soċjetà Filarmonika qed torganizza għal matul din il-ġimgħa, fejn ma jonqsux spettakli mużikali u spettakli tan-nar, fost l-oħrajn.