Wara r-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar il-Pilatus Bank u l-FIAU, żmien l-iskużi għadda. Malta ma tistax tistenna aktar għal azzjoni effettiva, għax inkella se ssirilha aktar ħsara fir-reputazzjoni u l-istituzzjonijiet tagħha.
Dan kien il-messaġġ ewlieni f’konferenza stampa mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-finanzi u għas-servizzi finanzarji, Mario de Marco u Kristy Debono, bir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista wara r-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea fuq il-Pilatus Bank.
Fil-konferenza stampa, l-Oppożizzjoni sostniet il-messaġġ immedjat li kien ħareġ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, fi tweet ftit wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea. Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni sostnew li hemm bżonn riżenji issa mill-Gvern li suppost ġab l-accountability. Insistew ukoll għal azzjoni malajr biex pajjiżna jsaħħaħ l-istituzzjonijiet u jirrestawra r-reputazzjoni tiegħu.
Kristy Debono qalet li l-Awtorità Bankarja Ewropea ħarġet rapport li ma jlaqlaq xejn dwar dawk li r-rapport stess isejjaħ ‘nuqqasijiet ġenerali u sistematiċi’ fil-mod kif l-awtoritajiet Maltin ħallew lill-Pilatus Bank jikser il-liġijiet Ewropej kontra l-ħasil tal-flus. Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-servizzi finanzjarji semmiet kif l-Awtorità Bankarja Ewropea lanqas biss sabet records tajbin fl-FIAU dwar il-Pilatus Bank u l-FIAU ħalla lil dan il-bank jagħmel li jrid.
Kristy Debono qalet li r-reazzjoni tal-FIAU għal dan ir-rapport gravi fuqu u fuq il-Pilatus kienet patetika u arroganti flok reazzjoni li messha wriet indiema u azzjoni pożittiva biex tibda tissewwa r-reputazzjoni ta’ Malta u l-istituzzjonijiet li twaqqfu b’tant għaqal biex bnew l-industrija tas-servizzi finanzjarji mix-xejn fl-aħħar 30 sena.
Mario de Marco spjega l-mod kif l-istituzzjonijiet li suppost qed jipproteġu lin-nies u lil pajjiżna spiċċaw imnawrin b’abbużi gravi fl-aħħar snin. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi qal li l-awtoritajiet Maltin naqsu bil-kbir, kif joħroġ minn dan ir-rapport li mhuwiex xi wieħed ta’ rutina imma wieħed mitlub apposta mill-Kummissjoni Ewropea wara ksur tal-liġijiet Ewropej kontra l-ħasil tal-flus ġejjin mit-tixħim.
Mario de Marco qal li r-responsabbiltà politika trid tintrefa’ mill-Gvern Laburista li hu qrib is-sid tal-Pilatus li issa hu mixli b’ħasil ta’ flus anke fl-Amerika wara li sar magħruf f’rapporti tal-FIAU stess li f’Malta wkoll hemm x’juri li ħasel flus maħmuġin għal nies fil-Gvern.
Hu qal li l-Bank Pilatus hu marbut b’kontijiet u tranżazzjonijiet mal-id il-leminija tal-Prim Ministru Keith Schembri, mal-Ministru ewlieni Konrad Mizzi u ma’ Brian Tonna li kellu post f’Kastilja. Ir-responsabbiltà politika trid tintrefa’ mill-Prim Ministru li hu qrib kemm dawn in-nies kif ukoll qrib sid il-Pilatus.
Responasbbiltà politika trid tintrefa’ b’mod speċjali mill-Ministru Edward Scicluna li, flok aġixxa biex ma ssirx ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, kompla għarraqha b’kummenti inaċċettabbli dwar ir-rapporti tal-FIAU li kixfu tixħim u ħasil tal-flus permezz tal-Pilatus. Flok attakka t-tixħim u l-ħasil tal-flus, Edward Scicluna attakka lil min kien dmiru jikxifhom, tant li min kixef tkeċċa.
Mario de Marco fisser kif il-konklużjonijiet politiċi li jridu jinġibdu minn dan ir-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea huma wkoll għall-Kummissarju tal-Pulizija u għall-Avukat Ġenerali li m’għamlu xejn quddiem rapporti ċari tal-FIAU fuq il-Pilatus Bank.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi qal li f’pajjiżi serji rapport bħal dak tal-Awtorità Bankarja Ewropea jwassal għal riżenji immedjati, għall-irfigħ tar-responsabbiltà u għal azzjoni biex pajjiżna joħroġ mill-kollass li sofra fir-reputazzjoni tiegħu fl-aħħar sentejn u nofs.
Fost din l-azzjoni għandu jkun hemm ukoll investigazzjoni indipendenti dwar l-għaliex l-FIAU keċċa lil min kixef korruzzjoni u ħasil tal-flus, kif ukoll investigazzjoni indipendenti dwar x’wassal għan-nuqqasijiet serjissimi elenkati fir-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea.
//= $special ?>