Sport

TENNIS-WIMBLEDON: Kerber kontra Williams fil-finali tan-nisa

Serena Williams rebħet l-Open tal-Awstralja din is-sena

It-tennista veterana Amerikana, Serena Williams, għada tikkonfronta lill-Ġermaniża, Angelique Kerber, fil-finali tan-nisa, f’Wimbledon, wara li huma rebħu s-semi-finali rispettivi fi straight sets.

Williams, l-eks Numru Wieħed tad-Dinja, għelbet lil Julia Gorges, tal-Ġermanja, 6-2, 6-4, ftit sigħat wara li Kerber kienet ibbukkjat post fil-finali b’rebħa, 6-3, 6-3, fuq Jelena Ostapenko tal-Latvja.

Il-finali bejn Williams u Kerber se tkun ripetizzjoni tal-finali tal-2016 li ntrebħet minn Williams. Dan meta t-tennista Amerikana qed tipprova għall-24 titlu Grand Slam u l-ewwel unur prestiġjuż mindu welldet tarbija f’Settembru li għadda.

Jekk jirnexxilha tegħleb lil Kerber, Williams taċċerta mit-tmien titlu ta’ Wimbledon fil-kategorija tas-singles. Dan wara li hi rritornat għat-tennis professjonali f’Marzu, bit-tournament ta’ Wimbledon ikun ir-raba’ wieħed tagħha wara li welldet.

Intant, Kerber, is-seed numru ħdax li rebħet żewġ titli Grand Slams fil-karriera tagħha, hi ferħana ħafna li rnexxielha tasal sat-tieni finali ta’ Wimbledon wara li ddominat għal kollox lil Ostapenko.

‘Ninsab kuntenta u kburija li wasalt sal-finali ta’ dan it-tournament prestiġjuż u nittama li nkun nista’ nżomm din il-forma,’ sostniet it-tennista ta’ 30 sena, fl-ewwel kummenti lill-istampa wara r-rebħa.

Min-naħa tagħha, Ostapenko, li, is-sena l-oħra, rebħet it-titlu tal-French Open, kienet qed tilgħab fl-ewwel semi-finali ta’ Wimbledon, fl-età ta’ 21 sena.