Internazzjonali Lokali

Salvini jerġa’ jisfida lil Malta

Malta reġgħet spiċċat fil-mira ta’ Matteo Salvini, il-Ministru tal-Intern Taljan. Dan hekk kif insista li vapur b’450 immigrant abbord kien responsabbilta ta’ Malta. Salvini qal li suppost Malta kellha tieħu ħsieb dan il-vapur imma dan ma sarx u issa dan kien dirett lejn l-Italja. Imma l-Ministru Taljan insista li dawn l-immigranti mhux se jitħallew jinżlu l-Italja.

Sadattant hemm tensjoni bejn il-President Taljan Sergio Mattarella u l-Ministru tal-Intern Matteo Salvini. Dan wara li l-President Taljan intervjena personalment biex itemm ġrajja ta’ vapur b’xi immigranti abbord li ma kienx qed jitħalla jittrakka f’port.

Mattarella intervjena rigward vapur tal-Gwardja tal-Kosta Taljan barra l-port Sqalli ta’ Trapani b’67 immigrant abbord. Salvini kien ta l-ordni biex dawn ma jitniżżlux l-art fost rapporti li xi wħud abbord kienu rribellew. Huwa ried li dawn ikunu identifikati u arrestati.

Mattarella ċempel lill-Prim Ministru Giuseppe Conte biex l-immigranti jitħallew jiżbarkaw, u Conte, li hu qrib il-Moviment 5 Stelle imma mhux membru fil-Moviment, ordna li dawn jitħallew jinżlu. Dan irrabja ħafna lil Salvini.

Ir-relazzjoni bejn Mattarella u Salvini qatt ma kienet tajba, u dan l-aħħar żvilupp se jkompli jgħarraq ir-relazzjoni. Il-kariga ta’ president fl-Italja hi waħda ċerimonjali u jintervjeni fix-xena politika biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

F’Marzu, Mattarella kien warrab talba ta’ Salvini biex ikun Prim Ministru u kien irrifjuta l-ewwel għażla ta’ Kabinett. Din il-ġimgħa, Mattarella irrifjuta li jiddefendi l-Lega ta’ Salvini minn ordni tal-qorti biex il-fondi tal-partit jiġu ssekwestrati minħabba każ ta’ korruzzjoni.

Solvini, il-Ġimgħa ħareġ tweet fejn qal li jekk wieħed minn dawn l-immigranti li tħallew jiżbarkaw ikun vjolenti, xi ħadd se jkollu jwieġeb.

L-immigranti kienu nġabru barra mill-kosta tal-Libja minn vapur tal-merkanzija Taljan, u jidher li hekk kif dan kien qed jeħodhom lura l-Libja, kien hemm xi wħud minn dawk abbord li rribellaw. Imbagħad intervjena l-vapur tal-Gwardja tal-Kosta Taljan, Diciotti, li għabbiehom abbord.

Sigħat qabel l-intervent ta’ Mattarella, Salvini kien wiegħed li dawn ma kinux se jitħallew jiżbarkaw. Il-Ħamis, Luigi Di Maio, il-mexxej tal-Moviment 5 Stelle, qal li kien impossibbli li d-Diciotti ma jitħalliex jittrakka fi Trapani peress li kien vapur Taljan. Huwa, ilbieraħ appoġġa d-deċiżjoni ta’ Mattarella.