Internazzjonali

Trump f’laqgħat ma’ May u r-Reġina

Il-President Amerikan Donald Trump illum itemm iż-żjara uffiċjali tiegħu fir-Renju Unit biex jisskota b’waħda privata fl-Iskozja. Il-ġurnata tal-Ġimgħa kienet ikkaratterizzata minn laqgħat mar-Reġina u l-Prim Ministru Theresa May.

Il-konferenza tal-aħbarijiet ma’ May kienet iddominata minn mistoqsijiet dwar ir-Russja u l-Brexit. Din it-tema tal-aħħar kienet ta’ interess partikulari għall-midja Ingliża peress li ftit qabel il-wasla ta’ Trump, ixxandar recording fejn huwa jgħid li l-pjan tal-Brexit ma kienx se jgħin il-kummerċ bejn l-Istati Uniti u r-Renju Unit. Imma hawn hu ċċara l-pożizzjoni tiegħu.
Trump ukoll faħħar ħafna r-relazzjoni tajba li hu għandu ma’ May u l-istess mal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, għalkemm ammetta li kien hemm affarijiet li fuqhom ma jaqblux.
Dwar il-President Russu, Vladimir Putin, huwa qal li dan ma kienx għadu, imma lanqas ħabib, u xtaq li l-affarijiet bejn iż-żewġ pajjiżi jkunu aħjar għaliex dan kien ikun ta’ ġid għal kulħadd.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet hu rrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet mis-CNN peress li stqarr li dan l-sitazzjon ixandar aħbarijiet foloz dwaru.
Aktar tard, iżda, waqt il-laqgħa li kellu ma’ May, Trump insista li kellu relazzjoni tajba ħafna mal-Prim Ministru Ingliża. Il-laqgħa ma’ May saret fir-residenza uffiċjali fil-kampanja, magħrufa bħala Chequers, u mhux f’Downing Street bħal ma jsir is-soltu, u anki dik mar-Reġina ma saritx f’Londra imma f’Windsor.
Dan minħabba l-protesti kbar li qed isiru f’Londra fuq iż-żjara ta’ Trump. Wara l-impenji uffiċjali f’Londra, Trump se jmur l-Iskozja fejn għandu propjetà lussuża, inkluża korsa tal-golf. Din l-aħħar parti tal-vjaġġ tiegħu qed titqies bħala privata.

Mill-Iskozja, imbagħad, Trump se jmur Helsinki fil-Finlandja fejn se jkollu s-summit mal-President Russu Vladimir Putin.