Internazzjonali

Trump fuq żjara ta’ erbat ijiem fir-Renju Unit

Il-President Amerikan Donald Trump, ilbieraħ beda żjara tant mistennija fir-Renju Unit. Żjara li qed tkun ikkaratterizzata minn sigurtà kbira, kemm għaliex hu l-President tal-Istati Uniti imma anki minħabba l-protesti kbar li se jkun hemm.
Trump mar ir-Renju Unit minn Brussell, fejn attenda għal summit tan-NATO. Fi Brussell, Trump qal li kien sejjer f’post jaħraq peress li r-riżenji li kien hemm mill-Kabinett tal-Prim Ministru Theresa May f’dawn l-aħħar ġranet minħabba l-Brexit u l-pubblikazzjoni ta’ White Paper dwar ir-relazzjonijiet li se jkollu r-Renju Unit la darba jseħħ il-Brexit. Huwa qal ukoll li ma kellu ebda problema bil-protesti li kienu se jsiru kontrih waqt din iż-żjara.
Apparti l-laqgħat ma’ May, Trump se jkollu wkoll laqgħa mar-Reġina Eliżabetta. Imma għad-differenza għal dak li jsir fi żjarat simili, l-ajruport fejn se jinżel Trump inżamm mistur u mal-wasla tiegħu, hu mhux se jmur dritt 10, Downing Street biex jiltaqa’ mal-Prim Ministru. Dan minħabba l-biża’ tal-protesti li se jkun hemm. Laqgħa li issa se ssir il-Ġimgħa f’Chequers, ir-residenza fil-kampanja tal-Prim Ministru qrib ir-raħal ta’ Ellesborough, barra Londra.
Din iż-żjara statali minn Trump suppost kellha ssir is-sena li għaddiet, imma kienet posposta wara li kien hemm il-biża’ ta’ protesti kbar u vjolenti, u l-Ispeaker tal-House of Commons effettivament ipprojbixxa lil Trump milli jżur il-Parlament minħabba l-ideat sessisti u razzisti tiegħu.
F’din iż-żjara, parti kbira miż-żjara ta’ Trump se tkun fl-Iskozja, fejn hu sid ta’ diversi propjetajiet lussużi, fosthom tal-golf. Dan apparti li ommu hi ta’ nisel Skoċċiż.
Hu se jmur lejn l-Iskozja wara l-laqgħa tal-Ġimgħa mar-Reġina. Mill-Iskozja, imbagħad, il-Ħadd hu se jitlaq lejn Helsinki, il-kapitali tal-Finlandja, għal summit tant mistenni mal-President Russu Vladimir Putin.
Apparti l-kummerċ u s-sigurtà, waqt din iż-żjara fir-Renju Unit, it-taħditiet li se jkollu Trump mistennija jmissu wkoll il-Brexit u s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani.