Lokali

Assoċjazzjoni tas-saħħa Maltija tiddikjara li hi kontra l-kannabis rikreazzjonali

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mediċina għa-Saħħa Pubblika iddikjarat li ma taqbilx mal-introduzzjoni tal-ħaxixa għall-użu rikreazzjonali.

Fi stqarrija li ħarġet l-għada ta’ laqgħa li kellha mas-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli, l-Assoċjazzjoni qalet li ħadet din il-pożizzjoni minħabba l-effetti ħżiena tal-kannabis fuq is-saħħa partikolarment il-mod kif il-kannabis iġġiegħel lil min joħodha biex jibqa’ joħodha b’vizzju.

Fl-istess waqt, l-Assoċjazzjoni żiedet li ftit hawn riċerka dwar l-impatt tal-kannabis fuq is-soċjetà, u din hija raġuni oħra għaliex l-Assoċjazzjoni ddikjarat ruħha kontra.

Biex issaħħaħ l-argument tagħha, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mediċina għa-Saħħa Pubblika innutat li fid-dinja hawn ftit pajjiżi li llegalizzaw l-użu tal-kannabis għall-użu rikreazzjonali – fosthom l-Urugwaj u xi ftit stati fl-Istati Uniti. L-Assoċjazzjoni saħansitra qalet li fejn il-kannabis ġiet legalizzata, kienet innutata żieda fi kwistjonijiet marbuta ma’ saħħa li bdew jinħtiġilhom aktar attenzjoni.

L-użu tal-kannabis iqajjem ukoll mistoqsijiet dwar l-effetti ta’ din id-droga skont il-mod kif tintuża, kemm u meta – partikolarment qabel wieħed isuq vettura.

L-Assoċjazzjoni saħqet li l-pożizzjoni tagħha hija konsistenti ma’ pożizzjonijiet simili li ħadu assoċjazzjonijiet mediċi oħra madwar id-dinja, fosthom dik Amerikana. Madanakollu, żiedet tgħid li jekk il-Gvern xorta jiddeċiedi li jillegalizza il-kannabis għall-użu rikreazzjonali, hi qed tappella bl-aktar mod b’saħħtu sistema li tiffoka fuq il-prevenzjoni, l-edukazzjoni u qafas regolatorju li jassigura li s-saħħa pubblika tkun protetta.

Dan kollu huwa importanti, qalet l-Assoċjazzjoni, speċjalment minħabba żgħażagħ taħt il-21 sena li l-moħħ tagħhom ikun għadu fi proċess ta’ żvilupp.

L-Assoċjazzjoni temmet tgħid li fi żmien fejn id-dinja qed tikkontrolla aktar l-epidemija kkawżata mit-tabakk tas-sigaretti, wieħed m’għandux jagħmel l-iżball li jillegalizza prodott ieħor li fi żmien 20 sena jista’ jwassal għal kriżi ġdida tas-saħħa pubblika.