Internazzjonali

Ikomplu l-protesti kontra Trump fl-Iskozja

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, dalwaqt jikkonkludi ż-żjara fir-Renju Unit, fost l-aħħar sensiela ta’ laqgħat u perjodi ta’ divertiment fil-lukanda ta’ Trunberry (li hi proprjetà ta’ Trump) f’Ayrshire, fl-Iskozja.

Trump wasal l-Iskozja għal żjara privata wara li, nhar il-Ġimgħa, iltaqa’ mar-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra u l-Prim Ministru Theresa May. Intant, il-President u qrabatu, fosthom martu, Melania, qed qattgħu tmiem il-ġimgħa ‘kwieta’ fost kampanja ta’sigurtà intensiva madwarhom.

Dan waqt li komplew il-protesti kontra l-preżenza ta’ Trump, bil-pulizija tinvestiga inċident speċifiku fejn dimostrant uża paraglider biex jidħol f’no-fly zone madwar il-lukanda.

Il-pulizija insistew li riedu jżommu bilanċ bejn id-dritt tan-nies li jipprotestaw u l-impenji għall-protezzjoni tal-President Amerikan. Fl-istess ħin, madwar ir-Renju Unit, seħħew id-dimostrazzjonijiet minn eluf kbar ta’ nies biex jilmentaw dwar iż-żjara ta’ Trump u meta qed issir ukoll ‘dimostrazzjoni nazzjonali’ fiz-zona tal-Parlament Skoċċiż, f’Edinburgh. Intant, saru attivitajiet ta’ protesta viċin il-golf course ta’ Trunberry u quddiem il-konsulat Amerikan f’Edinburgh.

Nhar il-Ġimgħa, kien hemm protesti minn eluf ta’ nies f’Londra, bid-dimostranti ‘anti-Trump’ anki jimlew il-famuż George Square ta’ Glasgow qabel il-wasla tal-President fl-Iskozja.

Donald Trump tkellem diversi drabi dwar ‘l-imħabba li għandu għall-Iskozja u l-Iskoċċiżi’ u filwaqt li ilu s-snin jagħmel iż-żjarat f’dan il-pajjiż, din hi l-ewwel żjara tiegħu fl-Iskozja bħala President tal-Istati Uniti.

Fl-istess ħin, ma kienx mistenni li Trump ikollu xi laqgħat mal-Ewwel Ministru tal-Iskozja, Nicola Sturgeon, meta din kemm-il darba kkritikatu fid-diskorsi pubbliċi.

Il-President Trump se jtemm iż-żjara fl-Iskozja proprju għada qabel jivvjaġġa lejn il-Finlandja għal taħditiet sinifikanti mal-President tar-Russja Vladimir Putin.