Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Il-Belġju tispiċċa t-tielet għall-ewwel darba fit-Tazza tad-Dinja

Eden Hazard jirdoppja l-iskor (Ritratt: EPA)

Il-Belġju spiċċat għall-ewwel darba t-tielet fit-Tazza tad-Dinja wara li għelbet lit-tim nazzjonali Ingliż 2-0 fil-logħba għat-tielet u r-raba’ post. Normalment din il-logħba ma tkunx importanti wisq għat-timijiet, minħabba l-fatt li jkunu qed jilagħbu din il-logħba minħabba li jkun għadhom kemm tilfu s-semifinali.

It-tim ta’ Roberto Martinez fetaħ l-iskor wara biss erba’ minuti meta Romelu Lukaku għadda max-xellug lejn Nacer Chadli li krossja għan-nofs fejn pront kien THOMAS MEUNIER li antiċipa lil Danny Rose u għeleb lil Jordan Pickford mill-viċin.

Fit-tieni taqsima, l-Ingilterra żiedet il-pressjoni bl-aħjar ċans li kellha kien fis-70 minuta meta Eric Dier ħabbat il-ballun ma’ Marcus Rashford u qabbeż fuq Thibaut Courtois, iżda Toby Alderweireld laħaq fil-ħin u biegħed il-periklu fuq il-linja.

Il-Belġju għalqet il-logħba fit-82 minuta. Kevin De Bruyne qassam quddiem, Phil Jones naqas li jikkontrolla l-ballun, b’EDEN HAZARD jidħol tajjeb biex għeleb lil Jordan Pickford b’xutt fil-baxx.