Internazzjonali

Il-Gvern Amerikan konvint li se jsir is-summit ma’ Putin f’Helsinki

Kelliema għall-White House fl-Istati Uniti huma konvinti li s-summit bejn il-President Donald Trump u l-President tar-Russja, Vladimir Putin, ‘se jsir skont il-pjan’ minkejja t-tensjoni dwar l-allegat indħil tar-Russi fl-aħħar elezzjoni għall-Presidenza Amerikana.

Trump u Putin, nhar it-Tnejn, mistennija jiltaqgħu għal taħditiet f’Helsinki, il-kapitali tal-Finlandja, iżda fl-aħħar sigħat kien hemm il-pressjoni biex il-laqgħa ma ssirx, wara li l-Istati Uniti akkużat 12 il-uffiċjal Russu mas-servizzi sigrieti dwar indħil fl-elezzjoni Presidenzjali tal-2016.

Intant, kelliema għall-Gvern Russu qed jistennew ‘b’ħerqa’ għas-summit f’Helsinki u sostnew l-importanza ‘li jitranġaw ir-relazzjonijiet ma’ Washington li jinsabu fi stat ħażin’.

Ir-Russja dejjem ċaħdet li kienet responsabbli minn attivitajiet ta’ hacking għall-ispejjeż ta’ uffiċjali Demokratiċi waqt l-aħħar elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti ( li kien rebaħ il-kandidat Repubblikan, Trump). Dan waqt li Moska sostniet li mhemm l-ebda provi li jorbtu lit-12-il uffiċjal Russu mal-hacking jew mal-attività tas-servizzi sigrieti militari.