Lokali

Infezzjoni kienet fatali fil-ġlieda ta’ Hugo Chetcuti għall-ħajja fl-isptar Mater Dei

Hugo Chetcuti, l-imprenditur Malti li ġimgħa ilu kien attakkat f’Paceville minn raġel Serb tilef il-ġlieda għal ħajtu kaġun ta’infezzjonijiet u kumplikazzjonijiet li nqalgħu wara t-tieni operazzjoni li saritlu fl-isptar Mater Dei.

Irrapportat dan il-gazzetta In-Nazzjon. Chetcuti miet nhar il-Ħamis filgħaxija u l-aħbar li ħasdet lil kulħadd, xterdet immedjatament, b’bosta jibqgħu ixxukkjati għall-fatt li sa ftit ħin qabel l-aħbarijiet dwaru kienu jgħidu li kien f’kundizzjoni stabbli u li kien qed jaqleb għall-aħjar.

Madanakollu wara li ġie operat minnufih nhar il-Ġimgha bil-lejl fl-isptar Mater Dei għall-ġrieħi li ġarrab wara li kien aggredit b’sikkina, eventwalment kellu jerġa’ jiġi operat xi jiem wara minħabba kumplikazzjonijiet li nqalgħu.

Sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalu li saħħet Hugo Chetcuti kienet marret lura minħabba infezzjonijiet li żviluppaw waqt il-kura li kien qed jingħata.

Fil-kuntest ta’ dan kollu, is-sit NETnews.com.mt żvela li in vista ta’ dawn l-aħħar żviluppi il-Pulizija mistennija tibdel l-akkuża minn waħda ta’ attentat ta’ qtil għal waħda ta’ omiċidju voluntarju. Filfatt, nhar l-Erbgħa li ġej mistennija li tibda il-kumpilazzjoni fil-Qorti dwar dan il-każ biex jekk jinstab li hemm provi biżżejjed kontra Cmelik, dan jitpoġġa formalment taħt att ta’ akkuża.

L-akkuża mistennija tinbidel għal waħda ta’ omiċidju nhar l-Erbgħa li ġej

In-Nazzjon kompliet tirrapporta li sadanittant il-Pulizija kompliet bl-indaġni tagħha fil-konfront tas-Serb biex tistabbilixxi il-mottiv veru u proprju li wassal għal dan id-delitt.

In-negozjant u imprenditur Hugo Chetcuti iddaħħal l-isptar Mater Dei preċiżament fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tard nhar il-Ġimgħa li għadda wara li kien ġie attakkat b’sikkina minn raġel Serb li oriġinarjament stennieh joħroġ minn restaurant fejn kien qed jiekol, avviċinah, għannqu bl-intenzjoni li jaggredih kif fil-fatt għamel b’daqqiet ripetuti – mill-inqas tliet daqqiet li kienu fatali – ta’sikkina.

Sadanittant, il-ġurnali kollha lokali komplew jirrapportaw dwar dan il-każ. Il-gazzetta The Malta Independent irrappurtat li Hugo Chetcuti qatt ma ltaqa’ ma’ min qatlu. Min-naħa tagħha l-gazzetta Times of Malta rrappurtat li l-Pulizija Maltija qed titlob l-assistenza ta’ awtoritajiet barranin.