Lokali

Kommossjoni wara inċident f’Tas-Sliema

Fortunatament ħadd ma weġġa’ serjament f’inċident f’Tas-Sliema li fih kienu involuti vann, tliet karozzi u trakk tal-ġebel.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-9:45 ta’ filgħodu fi Triq ix-Xatt ta’ Tigne, bil-Pulizija tikkonferma li kien għal dak il-ħin li rċeviet ir-rapport.

Skont pulizija li tkelmet ma’ Net News, l-inċident seħħ hekk kif għal xi raġuni l-vann tilef il-kontroll u baqa’ dieħel f’żewġ karozzi u trakk tal-ġebel, b’konsegwenza li nqaleb u daħal f’vettura oħra.

Fuq il-post marru mhux biss Pulizija imma anke ambulanza, imma fortunatament jirriżulta li ħadd ma weġġa’ gravi.

Fil-vann kien hemm sewwieq ta’ 84 sena residenti l-Imsida u passiġġier ieħor, bil-kundizzjoni tagħhom għadha mhix magħrufa.

Persuni fuq il-post qalu lil NETnews.com.mt li fuq il-post inqalgħet kommossjoni wara l-inċident, tant li l-Pulizija kienu msejħa biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Ritratti: Steve Psaila