Lokali

Tisħon il-qiegħa wara li Salvini jerġa’ jisfida lil Malta

Jidher li l-bastiment jinsab fi triqtu lejn Lampedusa

Tkompli tisħon il-qiegħa bejn Malta u l-Italja f’każ ġdid relatat mal-immigrazzjoni li fih il-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini qed jerġa’ jisfida lil Malta.

Dan hekk Salvini qal li Malta kellha tieħu madwar 450 immigrant li kienu abbord bastiment kbir tas-sajd.

Salvini għadda dawn il-kummenti fuq twitter, permezz ta’ ‘post’ il-Ġimgħa filgħaxija. Ftit wara, pajjiżna ħabbar li l-bastiment li kien qed jirreferi għalih Salvini kien 53 mil nawtiku ‘l bogħod minn Lampedusa u 110 mil nawtiku bogħod minn Malta.

Jirriżulta li iċ-Ċentru ta’ Kordinazzjoni ta’ Salvataġġ f’Malta rċieva messaġġ miċ-Ċentru ta’ Ruma dwar il-preżenza ta’ bastiment tas-sajd b’450 immigrant abbord hekk kif dan kien qed ibaħħar miż-Żona ta’ Tiftix u Salvataġġ tal-Libja lejn iż-Żona ta’ Tiftix u Salvataġġ ta’ Malta.

Meta waslet din l-informazzjoni, il-bastiment kien ħafna iktar viċin Lampedusa milli Malta, tant li meta ċ-Ċentru ta’ Kordinazzjoni f’Malta għamel kuntatt mal-bastiment, l-ekwipaġġ informa lill-awtoritajiet Maltin li kien se jkompli jbaħħar lejn Lampedusa.

Dwar dan kollu l-awtoritajiet Maltin qalu li peress li l-bastiment kien fl-ibħra internazzjonali, huma ma kellhomx il-jedd li jagħtu lill-bastiment xi struzzjonijiet.

Din il-kontroversja diplomatika hija l-aħħar minn sensiela ta’ kontroversji diplomatiċi bejn il-Gvern Malti u Taljan wara li fl-Italja ħa l-poter il-Gvern ta’ Giuseppe Conti – bis-sehem tal-Ministru kontroversjali Matteo Salvini.

Filfatt kien salvini li fuq Twitter insista li l-vapur b’450 immigrant abbord kien responsabbilta ta’ Malta. Salvini qal li suppost Malta kellha tieħu ħsieb dan il-vapur imma dan ma sarx u issa dan kien dirett lejn l-Italja. Imma l-Ministru Taljan insista li dawn l-immigranti mhux se jitħallew jinżlu l-Italja. Madanakollu, kollox jindika li l-bastiment issa jinsab fl-ibħra territorjali Taljani.

Fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia insista li b’rispett lejn il-liġijiet internazzjonali, l-interess nazzjonali għandu jiġi l-ewwel tant li kkommetta ruħu li jagħti l-appoġġ tiegħu f’dan ir-rigward.

Salvini jerġa’ jisfida lil Malta